Lokali

“Ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta tibqa’ ogħla mill-medja fiz-zona ewro” – PN

Ċertifikat ieħor ta’ falliment għall-Gvern ta’ Robert Abela

Ċertifikat ieħor ta’ falliment għall-Gvern ta’ Robert Abela hekk kif mill-aħħar ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-UE (Eurostat) dwar il-prezzijiet fil-pajjiżi tal-ewro, joħroġ li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna x-xahar li għadda baqgħet ogħla mill-medja taz-zona ewro.

Filwaqt li r-rata tal-għoli tal-ħajja f’Malta f’Diċembru kienet ta’ 2.3%, il-medja fil-pajjiżi tal-ewro naqset għal 2%.

Meta mqabbel mal-istess xahar is-sena ta’ qabel (Diċembru 2024), l-għoli tal-ħajja f’Malta żdied b’0.5% minn 1.8% għal 2.3%. Mhux l-istess ġara fiz-zona ewro fejn fuq perjodu ta’ sena l-għoli tal-ħajja naqas minn 2.4% għal 2.0%.

Dan kollu jikkonferma li l-prezzijiet f’Malta qed jogħlew b’rata ferm aktar mgħaġġla minn dawk tal-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej, u dan qed iwassal għal aktar piż fuq il-Maltin u l-Għawdxin, partikolarment fuq dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-anzjani.

L-aktar li qed jogħlew il-prezzijiet huma tas-servizzi, kif ukoll tal-ikel u x-xorb. Dawn huma l-aktar affarijiet bażiċi u dan ikompli joħloq aktar tħassib u inkwiet.

Inkwetanti wkoll il-fatt li filwaqt li f’Malta nibqgħu niffaċċjaw rata tal-għoli tal-ħajja ogħla mill-medja tal-pajjiżi li bħalna jużaw l-ewro, f’diversi Stati Membri oħra tal-UE l-għoli tal-ħajja jinsab f’livelli ferm aktar baxxi. Fost dawn il-pajjiżi b’rata tal-għoli tal-ħajja aktar baxxa minn ta’ Malta hemm il-Belġju, il-Ġermanja, il-Finlandja, l-Italja, Franza, Spanja, il-Greċja u l-Irlanda, u anke pajjiżi żgħar bħalna, kif inhuwa Ċipru.

Filwaqt li l-Gvern ta’ Robert Abela moħħu biss kif se jkompli jħaxxen bwiet dawk viċin il-Ministri u oħrajn meqjusin bħala tal-qalba, jidher ċar li nqata’ għalkollox mir-realtajiet li qed jiffaċċjaw kuljum iż-żgħażagħ, il-familji u l-anzjani Maltin u Għawdxin, fosthom il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet dejjem jogħlew – inkluż tal-prodotti bażiċi ta’ kuljum imma anke oħrajn bħalma huma l-prezzijiet tal-proprjetà.

Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista qed iħoss il-polz tan-nies u qed ikompli jaħdem biex ifassal politika li twassal lill-Maltin u l-Għawdxin jgħixu kwalità aħjar ta’ ħajja quddiem il-problemi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom. Fost il-proposti konkreti li ressaq il-PN biex jitnaqqas il-piż tal-għoli tal-ħajja hemm:

  • It-tneħħija tat-taxxa fuq iż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) biex il-ħaddiema jgawdu miż-żieda kollha;
  • Eżenzjoni mit-taxxa fuq l-ewwel €10,000 mill-overtime u l-part-time;
  • Krediti tat-taxxa għall-intrapriżi żgħar u medji biex ma jkunux sfurzati jgħollu l-prezzijiet biex jikkumpensaw għall-ispejjeż ogħla;
  • Fond nazzjonali li jappoġġja industriji li jimportaw u jesportaw, biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasport;
  • Mudell ekonomiku ġdid u sostenibbli, ibbażat fuq setturi ta’ valur miżjud li joħolqu impjiegi ta’ kwalità b’pagi aħjar u aktar produttività.

Il-Partit Nazzjonalista, immexxi minn Alex Borg, jibqa’ determinat li jkompli jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex ma jħallix lill-familji jegħrqu taħt il-piż tal-għoli tal-ħajja u biex jittieħdu miżuri serji u effettivi li tassew jagħtu nifs lin-nies.