Nhar is-Sibt li ġej se jkollna tmiem eċċitanti għall-ewwel fażi tal-Malta Premier 2025/26, fejn se jkun deċiż min se jkun l-ewwel rebbieħ tal-Opening Round – Floriana jew Hamrun Spartans.
Wieħed minn dawn it-timijiet biss jista’ jirbaħ din l-ewwel fażi, b’Floriana bħalissa jgawdu punt vantaġġ fuq iċ-champions Ħamrun Spartans. Ilbieraħ filgħaxija, il-Greens setgħu għalqu l-inċertezza għal min se jirbaħ l-Opening Round u jiżguraw ir-rebħ tal-ewwel fażi kieku rnexxielhom jiksbu imqar draw fid-dwell dirett kontra t-tim ta’ Giacomo Modica.
Iżda f’partita mill-isbaħ, fejn Henry Bonello kien il-protagonista, Ħamrun Spartans urew reżiljenza kbira u, wara li Floriana ħolqu diversi ċansijiet fl-ewwel taqsima, fit-tieni taqsima l-Ħamruniżi għelbu lill-avversarji b’żewġ gowls f’sitt minuti.
Jonny, li kien qed jerġa’ jilgħab ma’ Ħamrun Spartans, fetaħ l-iskor, u fit-81 minuta Jovan Čađenović għalaq il-partita b’tieni gowl li ta rebħa ta’ 2-0 lill-Ħamruniżi.
Wara għaxar logħbiet konsekuttivi mingħajr telfa, Floriana tilfu l-aktar partita importanti li kienet importanti ta’ din il-fażi. Għalkemm draw kien ikun biżżejjed biex jiżguraw it-titlu tal-Opening Round, Ħamrun Spartans ħassrulhom il-festi u issa jittamaw li nhar is-Sibt jirbħu kontra Sliema Wanderers, filwaqt li Valletta jegħlbu lil Floriana fid-derby klassiku.
Iż-żewġ partiti se jintlagħbu fl-istess ħin, fl-4pm. Floriana jaffaċċjaw lil Valletta fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, filwaqt li Ħamrun Spartans jilagħbu kontra Sliema Wanderers f’Tony Bezzina Stadium. Dawn id-90 minuta se jkunu deċiżivi u mimlija tensjoni, hekk kif kollox għadu miftuħ.
Għalkemm il-format tal-kampjonat ġie kkritikat bħala wieħed inġust, minni l-ewwel wieħed, u se nibqa’ b’din il-fehma anke jekk nibqa’ l-uniku ġurnalist sportiv li ngħid hekk, fl-istess waqt ma jistax jiġi miċħud li qed joħloq mumenti ta’ emozzjoni u interess kbir fost il-partitarji. Ovvjament l-iskop tal-format kif inhu, hu intenzjonat biex speċifikament jagħmel dan.
Nittamaw biss li l-partitarji jattendu fiż-żewġ partiti biex jagħtu l-appoġġ tagħhom.
Intant ilbieraħ, Valletta, li rebħu 2-0 kontra Birkirkara b’gowls ta’ Yuri u Yannick Yankam, xorta huma eliminati mill-ġlieda għar-rebħ tal-Opening Round, iżda jistgħu jispiċċaw fit-tieni post jekk jirbħu kontra Floriana u fl-istess waqt Ħamrun Spartans jitilfu kontra Sliema Wanderers.

F’dak ix-xenarju, Floriana jkunu r-rebbieħa tal-Opening Round, filwaqt li Ħamrun Spartans u Valletta jkollhom jilagħbu logħba deċiżiva biex jiġi deċiż min jispiċċa fit-tieni post.
Fi kliem sempliċi, nhar is-Sibt kulħadd irid jirbaħ, però l-Opening Round jista’ jintrebaħ biss minn Floriana jew Ħamrun Spartans.
Ħadd mhu se jinżel biex jiffavorixxi jew itellef lil xi ħadd. Fis-sitwazzjoni li jinsabu fiha Floriana, Ħamrun Spartans, Valletta u Sliema Wanderers, kollha għandhom x’jirbħu u x’jitilfu. Il-ġlieda għadha miftuħa, jekk mhux għar-rebħ tal-Opening Round, fil-każ ta’ Valletta u Sliema Wanderers, għadhom biċ-ċans li jistgħu jtemmu din il-fażi tal-Kampjonat, b’pożizzjoni aħjar milli jinsabu fiha bħalissa.
//= $special ?>

