“Il-poplu hemm barra qed jgħajtilna, għatxan, biex jerġa’ jara il-partit li għeleb l-ostakli kollha tul is-snin, li kiseb tragwardi kbar matul is-snin u issa wasal il-mument li nerġgħu nkunu dak il-partit li nibnu flimkien Malta aħjar.”
Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-Ħamis filgħaxija waqt riċeviment tal-ewwel tas-sena li sar għall-attivisti, fid-Dar Ċentrali fejn kompla jwassal il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal poplu Malti u Għawdxi kollu.
Fid-diskors tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, tenna li lkoll irridu nuru li aħna preparati, mhux biss biex nirbħu l-elezzjoni ġenerali li jmiss, iżda biex nibnu flimkien Malta aħjar – mal-attivisti, il-kumitati sezzjonali, il-fergħat kollha, il-voluntiera u l-ħaddiema fi ħdan id-Dar Ċentrali. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna, “bil-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minnkom aħna nistgħu negħlbu kull ostaklu li hemm quddiemna”.
Alex Borg, saħaq dwar l-importanza tal-politika man-nies u stqarr kif il-politiċi jeħtieġ li jkunu preżenti biex jisimgħu lin-nies u jagħtuhom widen fil-lokalitajiet, fid-djar u kullimkien.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg temm jirringrazzja lil attivisti kollha li attendew għal dan ir-riċeviment. U saħaq dwar l-importanza li l-attendenza tkompli tiżdied, f’din is-sena tant kruċjali, hekk kif ma’ kull ġurnata li tgħaddi qed noqorbu dejjem aktar lejn l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Stqarr li għalhekk għandu jkollna r-responsabbiltà li qed nirrappreżentaw il-Partit li ‘l quddiem jista’ jkun fil-Gvern.
Għal dan ir-riċeviment il-Kap tal-Parit Nazzjonalista, Alex Borg, kien akkumpanjat minn Sarah, mill-Viċi Kap Alex Perici Calascione u mis-Segretarju Ġenerali Charles Bonello. Preżenti wkoll kien hemm numru ta’ deputati u kandidati.
//= $special ?>

