Lokali Qorti

Kaħħal jinżamm arrestat wara li ċaħad akkużi ta’ fastidju sesswali fuq minorenni

Kaħħal ta’ 28 sena ġie miżmum taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi ta’ fastidju sesswali fil-konfront ta’ tfajla ta’ 16-il sena. Bashar Ibrahim Obied, ċittadin Sirjan li jgħix f’Ħal Qormi, ġie akkużat li wettaq atti sesswali mingħajr il-kunsens fuq minorenni. Huwa ċaħad l-akkużi kollha fil-konfront tiegħu.

L-Ispettur tal-Pulizija Dorianne Tabone spjegat fil-Qorti li f’Novembru li għadda, it-tfajla marret l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt Valletta flimkien ma’ ommha biex tirrapporta inċident li allegatament seħħ ftit qabel. Skont ix-xhieda tagħha, hija kienet ġiet avviċinata minn raġel mhux magħruf fil-Belt li għamlilha kummenti sesswali espliċiti.

Ir-raġel allegatament segwiha f’lift pubbliku, fejn beda jmissha b’mod indeċenti qabel ma qabdilha jdejha u poġġieha fuq il-partijiet intimi tiegħu. Xi jiem wara, ir-raġel reġa’ lemaħ lit-tfajla qrib ir-residenza tagħha u avviċinaha mill-ġdid. Din id-darba, it-tfajla kienet fuq video call ma’ ommha, li qalitlu biex iħalli lil bintha bi kwieta.

Wara dan l-episodju, ġie ppreżentat rapport formali lill-Pulizija, u wara investigazzjonijiet, ir-raġel ġie identifikat u arrestat. F’dan l-istadju tal-proċeduri ma ġietx mitluba l-libertà proviżorja, peress li l-minorenni għadha ma xehditx fil-Qorti. Il-Qorti laqgħet ukoll talba tad-difiża biex il-prosekuzzjoni ssejjaħ lill-allegata vittma biex tixhed fl-ewwel seduta tal-kawża.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadia Helena Vella. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat tal-Istat Danika Vella, bl-assistenza tal-Ispetturi tal-Pulizija Dorianne Tabone u Jeffrey Rizzo. L-akkużat qed jiġi assistit mill-avukat Yanika Bugeja.