Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ddeċidiet li ma taċċettax l-eċċezzjoni preliminari tal-Avukat Ġenerali dwar in-nullità tar-rikors ta’ appell ippreżentat minn Renald Psaila, u ordnat li l-każ ikompli jiġi eżaminat fuq il-mertu.
Psaila kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati fis-23 ta’ Settembru 2025 fuq akkużi ta’ ingurji, theddid u ħbit biex jagħmel ħsara jew idejjaq lil ommu, Martina Psaila, f’każ li jmur lura għall-31 ta’ Mejju 2025. Il-Qorti tal-ewwel istanza kienet ordnat Ordni ta’ Trattament għal tliet snin taħt l-Artikolu 412D tal-Kodiċi Kriminali.
L-appellant sostna li l-episodju kien sempliċi tilwima domestika mingħajr la theddid u lanqas vjolenza fiżika, u li kliemu seta’ kien baxx iżda mhux ta’ natura kriminali. Id-difiża argumentat li l-ewwel darba li sar rapport mill-omm kienet f’dak il-jum, minkejja li qabel qatt ma kien hemm problemi serji bejniethom. Il-Prosekuzzjoni min-naħa tagħha insistiet li l-ewwel Qorti kienet diġà eżaminat il-provi b’mod korrett.
L-Avukat Ġenerali argumenta li l-appell kellu jitqies null minħabba nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 419 tal-Kodiċi Kriminali, iżda l-Qorti tal-Appell irrimarkat li l-ġurisprudenza moderna mhijiex qed tieħu approċċ formalistiku żżejjed, sabiex ikun protett id-dritt fundamentali ta’ appell effettiv.
Għaldaqstant, iddeċidiet li r-rikors għandu jitqies validu, b’korrezzjoni teknika fit-talba, u li l-każ għandu jibqa’ jiġi deċiż fuq il-mertu.
Il-proċess issa kompla fuq l-eżami tal-provi u l-Qorti kkonfermat li fid-dawl tal-prinċipji ta’ reviżjoni, hija se tikkunsidra jekk l-ewwel Qorti kinitx waslet għal konklużjoni legali u raġonevoli, qabel tiddeċiedi jekk is-sentenza għandhiex tibqa’ fis-seħħ jew tiġi riformata.
//= $special ?>

