Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati kontra Renald Psaila, li kienet sabitu ħati ta’ ingurji u theddid fil-konfront ta’ ommu, wara tilwima domestika li seħħet fil-31 ta’ Mejju 2025.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ċaħdet l-appell ippreżentat minn Psaila, li kien talab li s-sentenza tal-ewwel Qorti tiġi riformata u li hu jiġi ddikjarat mhux ħati. L-Imħallef Herrera ddeċidiet li s-sentenza appellata kienet waħda “safe and satisfactory” u li l-Qorti tal-Maġistrati setgħet legalment u raġonevolment tasal għall-konklużjonijiet li waslet għalihom fuq il-provi mressqa quddiemha.
Il-każ kien jikkonċerna rapport ta’ vjolenza domestika li għamlet l-omm fil-konfront ta’ binha, fejn allegat li dan kien għajjat, uża kliem oxxen u għolla jdejh fil-konfront tagħha, għalkemm ma seħħx kuntatt fiżiku. Skont ix-xhieda, l-imputat deher irrabjat, b’għajnejh imberqin, u ġab ruħu b’mod li beżżagħha, tant li kienet saret sejħa lill-Pulizija.
L-appellant ċaħad li qatt hedded jew għamel ħsara lil ommu, u sostna li l-episodji kienu sempliċi tilwim verbali bejn omm u binha, li ma kellhomx jikkostitwixxu reat kriminali. Madankollu, il-Qorti nnutat li l-omm baqgħet konsistenti fil-verżjoni tagħha u li x-xhieda tagħha kienet attendibbli, anke fid-dawl tax-xhieda ta’ terza persuna li rat lill-imputat jgħolli jdejh lejn in-nanna tagħha.
Il-Qorti tal-Appell fakkret li r-rwol tagħha mhuwiex li terġa’ tisma’ l-każ mill-ġdid, iżda li tivverifika jekk l-ewwel Qorti setgħetx tasal legalment u raġonevolment għall-konklużjonijiet tagħha. F’dan il-każ, il-Qorti qalet li ma kien hemm ebda raġuni valida biex tiddisturba l-apprezzament tal-provi li sar mill-Qorti tal-Maġistrati.
Għalkemm l-imputat instab ħati, il-Qorti tal-Maġistrati ma imponietx piena ta’ ħabs jew multa, iżda ordnat il-ħruġ ta’ Ordni ta’ Trattament taħt l-Artikolu 412D tal-Kodiċi Kriminali għal perjodu ta’ tliet snin, sabiex l-imputat jindirizza problemi relatati mal-immaniġġjar tar-rabja u jġib ruħu b’rispett lejn ommu. Din l-ordni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell, bit-terminu ta’ tliet snin jibda jiddekorri mid-data tas-sentenza tal-appell.
Barra minn hekk, sabiex tipprovdi għall-protezzjoni tal-vittma u għaż-żamma tal-ordni pubbliku, il-Qorti rabtet lill-appellant b’obbligazzjoni personali ta’ €2,000 għal perjodu ta’ sena, bil-kundizzjoni li ma jimmolestax, ma jinġurjax u ma jdejjaqx lil ommu. Il-Qorti spjegat lill-imputat l-importanza ta’ din l-ordni u l-konsegwenzi serji li jistgħu jirriżultaw jekk din tinkiser.
//= $special ?>

