Lokali Transport

L-iskema ta’ Bonett konferma ta’ nuqqas ta’ soluzzjonijiet tanġibbli – PN

Irid inaqqas 200 liċenzja fis-sena meta dawn jiżdiedu f’ġimgħa waħda biss f’pajjiżna

Il-Ministru tat-Traffiku Chris Bonnet irid inaqqas 200 liċenzja fis-sena għal ħames snin, meta dawn jiżdiedu f’termini ta’ licenzji ġodda f’ġimgħa waħda biss.

Skont tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 32119 tax-Shadow Minister għaż-Żgħażagħ u l-Gvern Lokali Bernice Bonello, Chris Bonett stess qal li fl-2024 f’pajjiżna nħarġu mad-9,000 liċenzja ġdida, li kwazi 60% minnhom huma ta’ nies barranin. Dan hu r-riżultat tal-pjan ekonomiku Laburista bbażat fuq iż-żieda fil-popolazzjoni.

Hekk sostna, ix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina, fi stqarrija fejn tenna li filwaqt li bl-iskema ta’ Chris Bonett se nkunu qed innaqqsu mal-1,000 karozza ta’ residenti Maltin mit-toroq tagħna fi żmien ħames snin bi spiża ta’ €25 miljun, fl-istess ħin se jiżdiedu madwar 45,000 karozza ġdida fit-toroq li kważi nofshom huma ta’ nies barranin. Fl-aħħar ħames snin ftit aktar minn 21,000 Malti ġab liċenzja ġdida meta mqabbel ma’ aktar minn 19,000 barrani.

L-iskema ta’ Chris Bonett hija biss bżar fl-għajnejn u żgur li mhix is-soluzzjoni għall-problema tat-traffiku f’pajjiżna.

Kieku l-Gvern għażel il-mudell ekonomiku tiegħu b’aktar għaqal, kieku m’għandniex it-traffiku li għandna llum. U kieku l-ewwel ħejja sistema tat-trasport tal-massa li taħdem, kieku ż-żgħażagħ kien ikollhom alternattiva li tagħmilha aktar faċli biex iċedu l-liċenzja tagħhom.

Mingħajr alternattiva serja, skemi bħal dawn huma biss mezz biex jaljenaw lill-poplu mingħajr ma effettivament isolvu l-problemi.