Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, ċaħdet ir-rikors ta’ Anthony Mario u Carmen Vella li kienu talbu biex jiġi revokat Mandat ta’ Sekwestru Eżekuttiv li kien ħareġ fuq talba tal-Bank of Valletta p.l.c. Il-mandat kien ibbażat fuq titolu eżekuttiv li nissel minn kuntratt ta’ kostituzzjoni ta’ debitu datat 4 ta’ Diċembru 1996.
Ir-rikorrenti sostnew li fil-proċedura għall-ħruġ tal-mandat kien hemm żbalji ta’ data, li huma kienu sempliċement garanti u mhux debituri prinċipali, u li l-obbligu tagħhom kellu jqum biss jekk id-debitur prinċipali jonqos milli jħallas.
Allegaw ukoll li d-dejn kien fil-fatt tħallas meta l-lukanda Travellers Lodge Hotel kienet ġiet liberata favur il-Bank fl-2007, flimkien ma’ allegazzjonijiet oħra dwar imgħax u proprjetajiet oħra li jgħidu li nżammu mill-bank.
Il-Bank wieġeb b’dokumentazzjoni estensiva u sostna li: l-hekk imsejjaħ żball fid-data ma jħassarx il-mandat; ir-rikorrenti kienu garanti in solidum, u mhux b’responsabbiltà subsidjarja; ma kienx veru li d-dejn tħallas kollu; ma kienx veru li l-bank żamm jew ibbenefika minn proprjetà jew oġġetti mobbli li ma kellux id-dritt għalihom; u li l-imgħaxijiet u r-rendikonti kienu korretti u sostanzjati bil-provi.
Il-Qorti qieset l-atti kollha u qalet li: l-iżball fid-data ma kienx raġuni biex il-mandat jitħassar; l-interpretazzjoni tar-rikorrenti dwar ir-rwol tagħhom bħala garanti ma kellhiex bażi fil-liġi, hekk kif l-Artikolu 115 tal-Kodiċi tal-Kummerċ jippresumi obbligazzjoni in solidum, u dan kien ukoll ċar mill-kuntratt innifsu.
Ingħad li ma ġiex ippruvat li d-dejn kien tħallas għas-saldu (bilanċ tal-kont) u lanqas ma nstabet bażi għall-allegazzjonijiet dwar il-valur tal-proprjetà, nuqqas ta’ depożiti jew imgħaxijiet indebiti.
Għaldaqstant, il-Qorti qalet li r-rikorrenti ma wrewx raġuni valida fil-liġi li tiġġustifika li l-Mandat ta’ Sekwestru jitħassar, u għalhekk ċaħdet it-talba tagħhom. L-ispejjeż tal-proċedura ġew ordnati jkunu mġarrba mir-rikorrenti.
//= $special ?>

