Lokali Temp

Minn xita, għal xemx… u riħ li jaf ilaħħaq Forza 8

Il-bard ta’ Jannar iqaxxar ġild il-ħmar.

Hekk jgħid il-qawl Malti u hekk qed jindika t-tbassir tat-temp għall-ħamest ijiem li ġejjin; fejn ir-riħ mistenni jlaħħaq Forza 8.

U matul din il-ġimgħa, it-temperatura se tkun qed tinħass taħt l-10 gradi. Bir-riħ mistenni jippersisti għal ħames ijiem infilla.

Matul il-jum, ir-riħ qawwi ħakem postijiet varji bħall-bajja ta’ Marsalforn, f’Għawdex, fejn kien hemm mewġ għoli. U anke l-port taċ-Ċirkewwa fejn jidħlu l-vapuri tal-Gozo Channel. Anke fl-inħawi ta’ Tas-Sliema, wieħed seta’ jinnota baħar imqalleb fejn jaqbel.

It-temp għall-Ħamis offra ħalbiet tax-xita u riħ mill-punent majjistru forza sitta għal sebgħa – li batta xi ftit mal-ġurnata għal forza erbgħa għal ħamsa mill-punent.

U għalkemm matul il-jum tfaċċat ix-xemx, kmieni filgħodu niżlet xita qawwija – f’xi nħawi anke silġ.

Intant, ir-riħ mistenni jibqa’ qawwi ħafna sa nhar il-Ħadd li ġej – possibbilment b’saħħa ta’ Forza 8. Dan filwaqt li t-temperaturi se jkomplu jitbaxxew. Kif qed jitbaxxew sew it-temperatura anke fi bliet ewlenin madwar l-Ewropa – bir-Renju Unit jibqa’ l-aktar affettwat minn din il-kesħa estrema.

Fil-fatt, wara jiem konsekuttivi ta’ borra, matul il-jum bdiet riesqa dik li qed tissejjaħ il-maltampata Goretti – bl-awtoritajiet joħorġu twissijiet sabiex is-sewwieqa fit-toroq joqogħdu attenti ferm.

Dan it-temp kiesaħ u x-xita qawwija li qed testendi mill-Ingilterra sal-Iskozja affettwat skejjel, il-ferroviji u anke l-ajruporti lokali.