Opinjoni

Opinjoni: Ħsibijiet għall-Bidu tas-Sena – Mir-Res Publica għar-Res Privata

L-idea ewlenija wara ċ-ċittadinanza attiva kienet li jitrażżnu l-kaos u l-vjolenza, u minflokhom joħroġ ordni, l-ordni tar-res publica

Mark A. Sammut Sassi

Nixtieq nibda s-sena l-ġdida billi naqsam magħkom ftit ħsibijiet li rriflettejt dwarhom matul il-jiem ‘rilassati’ tal-festi. ‘Rilassati’, biex ingħidu hekk… għax xi kultant naħseb li l-festi jiġu aktar biex naħdmu ħalli ma nitilfux il-kuntatt ma’ nies għeżież għalina milli biex verament nistrieħu mit-tellieqa bla nifs li s-sistema l-ħin kollu titfagħna fiha.
Fiż-żmien imgħoddi li l-Modernità tistmerru u ssejjaħlu ‘Medju Evu’, in-nies kellha f’kull staġun għadd kbir ta’ pawsi mix-xogħol, festi kmandati u reliġjużi oħrajn (aktar minn 50), u l-Ħdud biex tistrieħ fihom. Kienu jaħdmu bejn 150 u 200 jum fis-sena. Imbagħad ġiet il-Modernità, frott ir-Rivoluzzjoni Industrijali u r-Rivoluzzjoni Franċiża, u spiċċajna naħdmu biss u rari nsibu l-ħin biex naqtgħu ftit, nistrieħu, u nikkargaw mill-ġdid il-batterija. U fuq kollox nibnu r-relazzjonijiet ma’ min hu għażiż għalina.
Il-quċċata tal-Modernità kienet ir-Rivoluzzjoni Franċiża (1789-1799), li tista’ titqies bħala l-mument meta nqalbet il-folja tal-Istorja fid-Dinja tal-Punent. Ir-Rivoluzzjoni Franċiża, iżda, ma kinitx biss bidla fil-forma kostituzzjonali ta’ Franza (minn Monarkija għal Repubblika). Kienet ukoll sejħa għal xogħol kontinwu miċ-ċittadini… l-hekk-imsejħa “ċittadinanza attiva”, jiġifieri li l-ħin kollu taħdem biex issegwi x’inhu jiġri fil-politika ħalli żżomm lill-politiċi politikament responsabbli t’għemilhom, ħalli tiddibatti pubblikament l-ideat ta’ x’għandu u x’m’għandux jiġi deċiż fl-amministrazzjoni pubbliku, ħalli tieħu sehem fil-ħajja politika bħala voluntier, u l-bqija… aktar xogħol, fil-verità.
L-idea ewlenija wara ċ-ċittadinanza attiva kienet li jitrażżnu l-kaos u l-vjolenza, u minflokhom joħroġ ordni, l-ordni tar-res publica. Biex ir-res publica (il-“ħaġa pubblika”) tirnexxi, irid ikun hemm il-Poplu, li ma jkunx magħqud madwar il-figura tar-Re imma magħqud mal-Liġi u ma’ sens komuni li kulħadd iħoss li hu tiegħu flimkien mal-oħrajn u li permezz tiegħu kulħadd iħoss li jagħmel parti mis-soċjetà.
Il-ġurista Ruman Ċiċerun jagħtina tagħlima importanti dwar dan. F’Ruma tal-Qedem, il-Poplu ma kienx l-individwi kollha flimkien imma ‘kotra magħquda f’soċjetà b’sens komuni (bil-Latin: cum-sensus) tal-Liġi (bil-Latin: ius)’. Il-Liġi, imma, ma kinitx tfisser dawk il-kotba li fihom hemm miktubin ir-regoli. Il-Liġi, fil-kuntest li qegħdin ngħidu, kienet tfisser Ordni li jagħti tifsir lill-ħajja soċjali, li permezz tiegħu hu ċar, għad li b’mod impliċitu, x’jista’ u x’ma jistax isir.
Dit-tifsira kienet mifhuma bħala prinċipju ġenerali li wieħed ma jistax imur kontra tiegħu mingħajr ma jeħel xi għamla ta’ kastig. Fi kliem ieħor, it-twemmin li l-ebda Stat ma jista’ jgħix jekk ma jkollux ġabra ta’ regoli impliċiti li jistgħu jiggwidaw il-ħajja tan-nies flimkien. Ir-res publica, għalhekk, hi l-ġabra totali ta’ dawn ir-regoli u kif jinteraġixxu bejniethom. Li tkun parti minn repubblika mhux sewwasew li tkun parti minn mudell politiku imma li tkun taf fejn issib postok fis-soċjetà u tagħraf tissieħeb f’ordni ta’ tifsir rikonoxxut minn kulħadd.

L-individwaliżmu radikali
Minn fejn joħroġ dan l-Ordni? Hu ingastat fil-kultura ta’ poplu, li tkun inħmiet fil-maħbeż taż-żmien, bil-ħmira tal-esperjenza komuni bħala soċjetà, fejn kull wieħed u waħda huma mseħbin (jew “soċji”) f’dak li jolqot lil kulħadd. Meta jkun jeżisti dan is-sens komuni (dan il-kunsens, bil-Latin: cum-sensus) ma jfissirx li ma jkunx hemm tilwim, diskordja, diverġenza ta’ fehmiet, ambizzjonijiet kunfliġġenti – imma jkun ifisser li l-kaos li jinħoloq mit-tilwim, diskordja u l-bqija jiġi assorbit mill-Ordni, u mill-Kaos joħroġ l-Ordni.
Ir-reliġjonijiet Abramitiċi jippruvaw ifissru dan bir-rakkont tal-Ħolqien tad-Dinja minn Alla, li mill-Kaos ta’ qabel il-Ħolqien (it-toħuboħu) joħloq l-Ordni tal-Ħolqien. U billi l-Bniedem hu xbiha ta’ Alla, il-Bniedem ukoll hu ħallieq, u hu wkoll joħroġ l-Ordni mill-Kaos.
Bl-eżaġerazzjonijiet tal-Kapitaliżmu, bir-rimi tal-valuri tradizzjonali, bil-qtil tal-kunċett ta’ Alla bħala Prinċipju ta’ Ordni, il-Punent sab ruħu f’xifer l-abiss. Il-Punent, li kien il-benniena tal-libertajiet tal-individwu kontra Stat paternalista, issa sar jeħtieġ liġijiet kontra liġijiet li jirregolaw kollox, kameras u aġġeġġi tal-GPS li jispjunaw lil kulħadd, u sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali li jistudjaw imġibet in-nies biex tkun immanipolata d-domanda għall-prodotti u servizzi u l-espressjoni tar-rieda politika komuni.
Dan kollu seħħ għax l-individwaliżmu radikali qered kull sens kondiviż ta’ komunità u kulħadd spiċċa joħloq ir-regoli tiegħu nnifsu fix-xbiha tiegħu stess. Mentri qabel kien hemm ir-regoli tal-komunità, li kienu fix-xbiha t’Alla (Ordni mill-Kaos), issa hawn ir-regoli tal-individwu, li huma fix-xbiha tal-individwu partikolari (Kaos mill-Kaos).
U dan iwassal għall-waqgħa tar-res publica. Għax issa hawn biss individwi, ċittadini privati, li jippretendu l-jedd li kull wieħed minnhom jiddeċiedi hu x’inhi u x’m’hijiex regola li jekk tinkiser iġġib magħha l-kastig. Il-għajbien f’naħa minnhom tax-xefaq tal-Istorja tar-res publica wassal għaż-żerniq, f’naħa oħra ta’ dak ix-xefaq, tar-res privata. Minflok il-libertà li tippermetti li kollox jiġi diskuss, apertament u pubblikament, issa għandna l-libertà li kollox sar kwestjoni privata, li jġorr il-piż tagħha l-individwu waħdu. B’effett kbir fuq il-politika.
L-abilità tal-politika li treġi dik iz-zona griża li tinsab bejn l-opposti, issa għabet. M’hawnx aktar l-idea inklussiva tal-ko-eżistenza tal-fehmiet opposti, imma ħadet is-setgħa l-kultura tal-kanċellazzjoni.

Dak li hu Ġust u Sewwa
Mentri r-res publica ppermettiet li wkoll jekk hemm in-nuqqas ta’ qbil, xorta tista’ tinħareġ enerġija komuni minn dak in-nuqqas, ir-res privata ġabet li min ma jaqbilx mal-Ħsieb Dominanti jitlef il-jedd li jibqa’ jeżisti (ngħidu aħna, fid-dinja diġitali u virtwali tas-social media) u jiġi kkanċellat.
M’għadx għandna l-paċi li tmewwet il-vjolenza u l-ordni li jrażżan il-kaos, imma kemm il-vjolenza u kemm il-kaos ħadu suriet ġodda u jimponu ruħhom bla mistħija, bħalkieku m’hi tinkiser l-ebda regola ta’ dak li hu Ġust u Sewwa. Minflok it-tħaddin tal-kontradizzjoni, li hi l-essenza tar-realtà, ġiet imposta l-koerenza tal-ideat, li huma biss frott l-istħajjil.
Miċ-ċittadini attivi tar-Rivoluzzjoni Franċiża li joħolqu l-ġid materjali u l-għana permessi mir-Rivoluzzjoni Industrijali, ġejna lsira tad-deżiderji ta’ kull individwu, li bilfors huma f’kunflitt mad-deżiderji ta’ individwi oħrajn.
Nawgura Sena Ġdida kollha hena lill-qarrejja kollha ta’ dil-gazzetta, bit-tama li matul l-2026 jiġri xi ħaġa li jwaqqaf il-kaos ta’ żmienna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 8 ta’ Jannar, 2026.