Opinjoni

Opinjoni: L-isfidi li komplew wara t-tokki

Maduro ma’ kellu l-ebda rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u lejn id-demokrazija imma jkun żball jekk ir-rieda demokratika tal-poplu tal-Venezwela tiġi mill-ġdid injorata. (Ritratt: EPA)
Il-futur tal-Venezwela għandu jkun determinat mir-rieda libera u demokratika tal-poplu tal-Venezwela, li għandu kull dritt jieħu lil pajjiżu fid-direzzjoni li jħoss li huwa xieraq

Angelo Micallef

Ninsabu f’Jannar fil-bidu ta’ sena ġdida. Propju ġimgħa ilu kellna xeni ta’ ferħ u ċelebrazzjonijiet madwar id-dinja hekk kif sellimna lis-sena 2025 u ftaħna l-paġna tas-sena 2026. Iżda jekk fl-1 ta’ Jannar iddominaw ix-xeni ta’ ferħ, murtali u xampanja, mit-2 ta’ Jannar lil hemm mill-ġdid bdew jgħollu rashom l-isfidi li kienu diġà magħna fl-2025, iżda li bħal donnhom se jkomplu sew fis-sena 2026.

Maduro u Greenland
Huwa diffiċli jekk mhux impossibbli li tkun tħobb id-demokrazija u l-libertà u b’xi mod tħoss nofs xrara ta’ simpatija lejn id-dittatur tal-Venezwela Nicolas Maduro. Maduro ma kellu l-ebda rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u lejn id-demokrazija. Kien dittatur brutali u forsi issa li jinsab f’ċella, wieħed jista’ jgħid li qiegħed jieħu li ħaqqu.
Madankollu, il-futur tal-Venezwela mhux xi logħba futbol. Il-futur tal-Venezwela għandu jkun determinat mir-rieda libera u demokratika tal-poplu tal-Venezwela, li għandu kull dritt jieħu lil pajjiżu fid-direzzjoni li jħoss li huwa xieraq. Ikun żball jekk ir-rieda demokratika tal-poplu tal-Venezwela tiġi mill-ġdid injorata.
Ikun żball ukoll jekk ir-rieda demokratika u libera tal-poplu ta’ Greenland tiġi injorata. Jekk Greenland tibqax tifforma parti mid-Danimarka għandu jkun determinat unikament mill-poplu ta’ Greenland. Ikun oxxen jekk ir-rieda tal-poplu ta’ Greenland tiġi injorata u naraw xi azzjoni militari li timponi fuq il-poplu ta’ Greenland destin li l-istess poplu fi stħarriġ wara l-ieħor bl-aktar mod ċar qed jgħid Le għalih.
Ikun ugwalment ta’ tħassib jekk f’din id-dinja spiċċajna f’sitwazzjoni fejn membru ta’ alleanza militari jieħu azzjoni militari kontra membru ieħor tal-istess alleanza, u jimmaġina li b’xi mod din hija aċċettabbli!

Gvern ta’ x’jimpurtani
“Għaddejjin preparamenti biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda jopera l-Isptar tal-Annimali. Sadanittant, se nibdew noffru servizz ta’ veterinarju f’ħinijiet atipiċi, bejn it-8:00pm u t-8:00am, fil-Ħdud u l-festi pubbliċi”.
Kien dan il-preċiż kliem tal-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana meta fis-27 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet b’tant pompa u arja ppreżenta d-diskors tal-baġit għal din is-sena. Minn dakinhar lil hawn għadda Novembru, għadda Dicembru u bdejna wkoll sena ġdida u sfortunatament pajjiżna kien u għadu mingħajr sptar tal-annimali.
Ta’ sikwit għadek issib stejjer ta’ qsim il-qalb ta’ annimali li mietu jew għaddew min sofferenza kbira jew t-tnejn, minħabba l-fatt li ma sabux il-kura medika li kienu jeħtieġu.
X’qed jistenna l-Gvern? Dawn il-“ġimgħat li ġejjin” kemm huma? Xahar? Xahrejn? Tlieta? Ħamsa? Tmienja?
Għaliex dan it-tkaxkir tas-saqajn? Għaliex bħal donnu dan is-suġġett mhux prijorità? Qed tagħmel differenza, għax l-annimali m’għandhomx vot għal dan il-Gvern li f’kollox u kullimkien ikejjel il-prijoritajiet bil-voti?
Kemm irridu nisimgħu stejjer ta’ qsim il-qalb qabel ninvestu fi sptar sura ta’ nies għall-annimali fejn meta tinqala’ l-ħtieġa dawn isibu l-kura medika meħtieġa; xi ħaġa li f’pajjiżi oħra lanqas biss hija suġġett ta’ diskussjoni, tant hija xi ħaġa ovvja u stabbilita.
Niddejjaq jekk forsi qed ninstema’ partiġġjan għax nemmen li dan huwa suġġett sensittiv li ma kellux jispiċċa f’nofs dibattitu ta’ natura politika. Imma meta tara Gvern li assolutament ma jimpurtahx minn suġġett daqshekk delikat u li qiegħed jolqot tant nies, ma tistax ħlief tirrabja speċjalment meta wieħed iqis l-isparpaljar tal-flus bla rażan li tant huwa espert fihom il-Gvern Laburista.

Kulħadd żbaljat
Fiha x’tomgħod meta żewġ ġurnali indipendenti t-tnejn ilissnu kliem kważi ‘carbon copy’ ta’ xulxin fir-rigward tal-kontroversja dwar Ta’ Qali, u r-reazzjoni ta’ Jason Micallef għall-kritika.
Fil-21 ta’ Diċembru 2025 fl-editorjal tagħha l-Malta Today stqarret, “But in his arrogance, Micallef cannot get himself to talk decently. And that is a major problem, which his bosses have to address unless they want to be lumped with Micallef’s indiscretions. Micallef’s arrogance has to be cut down to size otherwise he will continue being a millstone around government’s neck”.
Fid-29 ta’ Diċembru 2025 l-editorjal ta’ The Times of Malta mbagħad stqarr, “Perhaps someone could explain to Micallef the difference between those doing their job and the others failing to do theirs. None of this is new. Micallef has spent much of his public career vilifying critics and attacking those who question his conduct. From V18 to the Valletta Cultural Agency and now Ta’ Qali, the pattern is the same: scrutiny is met not with answers but with aggression, intimidation, and personal abuse”.
Tgħid qalu l-istess kliem għax kumbinazzjoni t-tnejn imqabbdin miegħu?

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 8 ta’ Jannar, 2026.