Qorti

Segretarja eżentata minn piena wara li kixfet il-moħħ wara traffikar ta’ ħaddiema barranin lejn Malta

Segretarja ta’ kumpanija tat-tindif ma ngħatatx piena ta’ ħabs jew multa minkejja li nstabet ħatja ta’ involviment fit-traffikar ta’ persuni, wara li l-Qorti qieset il-kollaborazzjoni sħiħa tagħha mal-Pulizija u r-rwol kruċjali li kellha biex tiġi żvelata l-moħħ wara skema ta’ sfruttament ta’ ħaddiema barranin li nġiebu jaħdmu Malta.

L-isem tas-segretarja ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, sabiex ma tinkixifx l-identità tagħha. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li ppresediet il-kawża, ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbagħat għall-attenzjoni tal-President tar-Repubblika.

Il-każ imur lura għall-2018, meta Identity Malta bdiet tinvestiga numru ta’ applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza u xogħol minn persuni Ażjatiċi, l-aktar mill-Filippini u n-Nepal, li ġew Malta biex jaħdmu fis-settur tat-tindif. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li parti kbira minn dawn il-ħaddiema kienu qed jitkeċċew mill-impjieg ftit wara li jaslu Malta.

Meta dawn il-ħaddiema marru għand Identity Malta biex jippruvaw isibu xogħol ieħor, ġie nnutat li kienu ħallsu madwar €4,000 lil persuni barra minn Malta u anke lokalment, sabiex ikunu jistgħu jibdew jaħdmu ma’ JF Services Cleaning.

Għalkemm il-kuntratti li ffirmaw barra minn Malta kienu jwiegħdu paga minima ta’ €719, akkomodazzjoni u ikel b’xejn, assistenza medika u benefiċċji oħra skont il-liġi Maltija, ladarba waslu Malta dawn il-kuntratti kienu jiġu sostitwiti b’oħrajn b’kundizzjonijiet ferm inqas favorevoli.

Fost il-persuni mressqa l-Qorti kien hemm is-segretarja ta’ numru ta’ kumpaniji tal-grupp JF, inkluża JF Service Cleaning. Hija kellha wkoll ir-rwol ta’ HR Manager u kienet ir-rappreżentanta legali tal-kumpaniji. L-akkuża fil-konfront tagħha kienet ta’ traffikar ta’ persuni.

Waqt il-proċeduri quddiem l-Imħallef Scerri Herrera, xehed fost oħrajn l-Ispettur John Spiteri, li spjega kif, minbarra s-segretarja, tressqu l-Qorti wkoll id-diretturi tal-kumpanija u diversi aġenti involuti fil-proċess biex il-ħaddiema barranin jinġiebu Malta.

L-Ispettur Spiteri qal li ma ħassx li kellu jressaq lis-segretarja bħala ko-akkużata mal-oħrajn fl-istess proċeduri, peress li waqt l-interrogazzjoni hija tat spjegazzjoni dettaljata ta’ dak kollu li kien qed iseħħ u għenet b’mod sostanzjali fl-investigazzjoni.

Huwa żied li ressaqha l-Qorti “kontra qalbu”, u spjega li kien hemm ħaddiema oħra li kkooperaw bl-istess mod iżda li ma kinux iġorru dik li tissejjaħ vicarious liability (li tfisser li parti waħda, ġeneralment min iħaddem jew prinċipal, tinżamm legalment responsabbli għall-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet ħżiena ta’ parti oħra, bħal impjegat jew aġent, speċjalment meta l-att iseħħ “fil-kors tal-impjieg” jew ir-relazzjoni tagħhom).

Dan peress li hi kienet uffiċjalment segretarja tal-kumpanija. Kompla li hija ma kinitx il-moħħ wara t-traffikar u kienet qed twettaq dak li kienu jgħidulha jagħmlu d-diretturi. L-Ispettur Spiteri rrimarka wkoll li l-prosekuzzjoni kienet iddiskutiet jekk setax jingħata lilha l-istatus ta’ whistleblower, iżda dan ma setax iseħħ peress li kienet diġà tressqet quddiem il-Qorti.

Madankollu, l-Imħallef Scerri Herrera nnutat li anke l-Ombudsman kien issuġġerixxa li l-każ tagħha jitqies bħala external disclosure taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur. Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef spjegat li l-liġi tagħti diskrezzjoni lill-Qorti biex persuna li tipprovdi informazzjoni li twassal biex jiġu investigati u mressqa persuni oħra għal reati kriminali tkun tista’ tibbenefika fejn tidħol il-piena.

Hija qieset iċ-ċirkostanzi tal-każ, in-numru kbir ta’ vittmi involuti u l-fatt li bis-saħħa tal-informazzjoni mogħtija mis-segretarja, il-prosekuzzjoni rnexxielha tagħlaq l-investigazzjoni. Għaldaqstant, minkejja li sabet lis-segretarja ħatja ta’ involviment fit-traffikar ta’ persuni, il-Qorti eżentatha minn kull piena.

L-Imħallef Scerri Herrera qalet li din id-deċiżjoni kienet maħsuba wkoll biex tintbagħat messaġġ ċar lis-soċjetà li min jiżvela informazzjoni skont il-liġi u jgħin biex jiġġieled reati serji jsib l-appoġġ tal-Qorti. Fl-att tal-akkuża maħruġ mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, kien qed jintalab li l-akkużata tiġi kkundannata għal piena ta’ bejn sitta u tletin sena ħabs, kif ukoll multa li setgħet tvarja bejn €20,000 u €2 miljun.