Vuċi għall-Annimali nediet “From Welfare to Protection”, kampanja nazzjonali li tappella għal riforma fundamentali tas-sistema tal-benesseri tal-annimali f’Malta u għal bidla lejn qafas veru ta’ protezzjoni tal-annimali; wieħed li jagħraf lill-annimali bħala ħlejjaq li kapaċi jħossu l-emozzjonijiet. Din hija talba biex il-politikanti jkunu kuraġġużi u jimplimentaw riformi istituzzjonali, b’impenn fit-tul biex vera jkollna sistema li taħdem favur l-annimali.
Il-kampanja tisfida l-limitazzjonijiet tal-mudell tradizzjonali tal-benesseri tal-annimali – qafas li jiffoka biex it-tbatija tkun limitata fi ħdan sistemi ta’ użu – u minflokk issostni li Malta trid timxi lejn approċċ ta’ protezzjoni tal-annimali: wieħed li jagħraf lill-annimali bħala ħlejjaq li kapaċi jħossu l-emozzjonijiet u li jqiegħed il-protezzjoni tagħhom fiċ-ċentru tal-liġi, il-politika u l-infurzar.
Il-kampanja From Welfare to Protection hija marbuta direttament ma’ rapport komprensiv ta’ riforma strutturali ppreparat minn Vuċi għall-Annimali, li janalizza s-sistema attwali ta’ governanza tal-annimali f’Malta u jidentifika għaliex, minkejja l-eżistenza ta’ liġijiet, jibqgħu jinqalgħu il-kriżijiet.
Ir-rapport jagħmel argument ċentrali wieħed ċar: l-ikbar nuqqas mhuwiex fil-liġijiet, iżda fin-nuqqas assenza ta’ infrastruttura xierqa, fin-nuqqas ta’ kapaċità u arranġamenti istituzzjonali meħtieġa biex il-protezzjoni tiġi infurzata b’mod effettiv. Mingħajr l-istrutturi t-tajba, il-liġijiet jibqgħu reattivi, l-infurzar jibqa’ dgħajjef, u l-annimali jibqgħu ibatu ħabba dawn in-nuqqasijiet.
Il-kampanja ‘From Welfare to Protection‘ titlob għal bidla kompleta fir-riformi, li diġà ġiet imqassma lill-partijiet interessati ewlenin, li teżamina l-kapaċità tal-infurzar, l-istrutturi ta’ governanza, in-nuqqasijiet fl-infrastruttura, l-immaniġjar tad-data u r-responsabbiltà istituzzjonali.
Il-proposti se jiġu diskussi formalment waqt konferenza nazzjonali dwar id-drittijiet tal-annimali li se ssir dalwaqt, li se tlaqqa’ flimkien partijiet interessati mill-gvern, is-soċjetà ċivili, kif ukoll mis-settur tal-veterinarjiu mis-settur legali.
Il-proposti ewlenin jinkludu:
- Bidla fl-irwol tal-Istat – l-irwol tal-Istat għandu jinbidel minn wieħed fejn ikun is-sid tal-annimal għal wieħed fejn ikun il-gwardan ta’ dawn l-annimali u li joffri protezzjoni, partikolarment f’każ ta’ abbuż u ta’ annimali perikolużi u li fejn ikun hemm bżonn jikkonfiska l-annimali anke dawk li jkunu miżmuma b’mod illegali.
- Infrastruttura Dedikata għall-Konfiska u l-Kura – Il-ħolqien ta’ faċilitajiet liċenzjati u rregolati mill-Istat, inklużi spazji temporanji fejn jinżammu annimali konfiskati, eżotiċi u perikolużi.
- Separazzjoni bejn l-Infurzar, il-Kura u l-Politika – Separazzjoni istituzzjonali ċara bejn: l-infurzar u l-ispezzjonijiet; il-kura u r-riabilitazzjoni tal-annimali, kif ukoll distinzjoni bejn il-politikanti u l-leġiżlazzjoni, sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interess.
- Infurzar Imsaħħaħ b’Appoġġ Legali – Investiment f’peruni li jafu jagħmlu inspezzjonijiet kif suppost kif ukoll fuq il-veterinarji u fuq tim legali li fejn jara ksur tal-liġi jwassal ġustizzja mingħajr dewmien.
- Qafas ta’ Protezzjoni Speċifiku għall-Ispeċi – Bidla minn standards ġeneriċi ta’ benesseri lejn kriterji ta’ protezzjoni speċifiċi għal kull speċi, li jirriflettu l-bżonnijiet bijoloġiċi, imġiba u psikoloġiċi tal-annimali.
- Governanza Mibnija fuq l-Infrastruttura – Kull liġi għandha tinbidel b’tali mod li tkun infurzata, prmezz ta’ fondi neċessarji.


