Lokali

Twissija ċara mill-Kummissarju tal-Istandards: “Kull Ministru qed jonqos mill-obbligu tiegħu” li jippubblika l-assi

Fis-6 ta’ Jannar 2026, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kiteb lill-Prim Ministru dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri għas-sena 2024.

Din l-ittra segwiet talba mingħand il-Kummissarju għal kopji ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, peress li ma ġewx ippubblikati kif kien isir għal snin twal.

F’Diċembru 2025 is-Segretarju tal-Kabinett wieġeb din it-talba billi qal li l-Kabinett iddeċieda li għandu jkun hemm formola waħda li tgħodd għad-deputati parlamentari kollha, inkluż il-ministri, u li l-ministri kienu ddikjaraw l-assi tagħhom lill-Ispeaker aktar kmieni dik is-sena.

Il-Kummissarju fehem mill-ittra tas-Segretarju tal-Kabinett, li l-ministri m’għamlux dikjarazzjoni tal-assi għas-sena 2024 kif kien isir qabel. Għamlu biss id-dikjarazzjoni tal-assi li ssir minn kull deputat parlamentari, u li hija inqas dettaljata.

Il-Kummissarju fehem ukoll li l-ministri se jibqgħu jagħmlu din id-dikjarazzjoni biss fil-futur, u d-dikjarazzjoni tal-ministri ġiet eliminata.

Il-Kummissarju kiteb lill-Prim Ministru fis-6 ta’ Jannar biex jesprimi t-tħassib tiegħu dwar dawn l-iżviluppi. Huwa qal li effettivament, il-ministri mhux se jibqgħu jiddikjaraw id-dħul tagħhom, u lanqas investimenti finanzjarji u kontijiet bankarji miżmumin mill-konjuġi tagħhom. Din l-informazzjoni kienet
tintalab fil-formola tal-ministri, iżda mhux f’dik tad-deputati. B’hekk it-trasparenza fit-tmexxija pubblika ħadet daqqa lura, u dan jibagħat messaġġ negattiv ferm.

Il-Kummissarju qal li t-trasparenza ħadet daqqa lura anki għaliex iddikjarazzjonijiet tal-assi tad-deputati ma jiġux ippubblikati, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-ministri mhux se jibqgħu aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-Kummissarju osserva li sena ilu, il-Prim Ministru kien ippropona li d-dikjarazzjonijiet tad-deputati jibdew jiġu ppubblikati f’perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stipulat mil-liġi, iżda fl-ittra tiegħu ta’ Diċembru 2025, is-Segretarju tal-Kabinett m’għamel l-ebda referenza għal din il-proposta.

Il-Kummissarju osserva wkoll li skont il-kodiċi ta’ etika għall-ministri, kull ministru għandu jagħti rendikont annwali tal-assi tiegħu lis-Segretarju tal-Kabinett fuq il-formola relattiva. L-eliminazzjoni ta’ din il-formola tfisser li kull ministru qed jonqos mill-obbligi tiegħu skont il-kodiċi, anki jekk ma tistax tittieħed azzjoni dwar dan peress li l-Kummissarju m’għandux is-setgħa li jinvestiga deċiżjonijiet tal-Kabinett.

Fl-ittra tiegħu ta’ Diċembru 2025, is-Segretarju tal-Kabinett ħabbar ukoll li l-Gvern se jsaħħaħ il-kodiċi ta’ etika tad-deputati. Qal li dan se jsir fid-dawl ta’ rakkomandazzjonijiet magħmula mill-ewwel Kummissarju għall-Istandards fl-2020, u fid-dawl ta’ deċiżjoni maħruġa mill-Kummissarju preżenti dwar deputat
li ma qalitx il-verità.

Fl-ittra tiegħu lill-Prim Ministru, il-Kummissarju rreaġixxa għal din l-aħbar billi qal li anki l-kodiċi ta’ etika għall-ministri għandu jissaħħaħ. Il-Kummissarju qal li huwa partikolarment importanti li l-ministri jkollhom qafas etiku b’saħħtu minħabba s-setgħat li għandhom u r-riżorsi li jikkontrollaw. Żied jgħid li r-rapport maħruġ mill-ewwel Kummissarju fl-2020 jittratta dwar iż-żewġ kodiċijiet, kif jagħmel ukoll rapport maħruġ mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku fl-2023.

Il-Kummissarju osserva li dawn iż-żewġ rapporti jinkludu wkoll rakkomandazzjonijiet għat-tisħiħ tad-dikjarazzjonijiet tal-assi. Qal li dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati bħala parti minn kwalunkwe tibdil fil-qafas tal-etika, minkejja li t-tibdil riċenti fis-sistema tad-dikjarazzjonijiet kien f’direzzjoni opposta.