Lokali Qorti

35 xahar ħabs wara ammissjoni ta’ serq, ħsarat u reżistenza lejn il-Pulizija

Malone Debono, ta’ 37 sena mill-Fgura ġie kkundannat għal 35 xahar priġunerija wara li ammetta sensiela ta’ reati li jinkludu serq ta’ żewġ karozzi, serq ta’ flus minn żewġt iħwienet, attentat ta’ serq minn ħanut u aggressjoni fuq uffiċjali tal-Pulizija.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima, fejn Debono kien mixli b’total ta’ 17-il akkuża relatati ma’ diversi inċidenti li seħħew bejn l-2021 u l-2022. L-ewwel akkuża kienet dwar serq ta’ flus li seħħ fil-Marsa f’April tal-2022.

Fl-istess xahar, l-imputat ammetta wkoll li għamel ħsara fuq ħanut ieħor meta pprova jisraq minnu. Il-Qorti semgħet kif f’Marzu tal-2022 Debono seraq karozza fil-Ħamrun u, xi jiem qabel, irreżista lill-Pulizija waqt l-eżerċizzju ta’ dmirijiethom, għamel ħsara fuq vettura tal-Pulizija, ma obdiex ordnijiet leġittimi u kiser il-paċi pubblika.

Debono ammetta wkoll li, fl-istess xahar ta’ Marzu 2022, seraq cash register minn ħanut fil-Ħamrun, daħal fil-ħanut mingħajr permess u kkawża ħsarat fil-proprjetà. Akkuża oħra li ammetta kienet relatata ma’ serq ta’ karozza li seħħ fil-Marsa f’April tal-2021.

Fost l-akkużi miġjuba kontrih kien hemm ukoll li wettaq dawn ir-reati waqt li kien diġà taħt sentenza ta’ probation u sentenza oħra ta’ 15-il xahar priġunerija sospiżi għal perijodu ta’ tliet snin. Konsegwentement, huwa ġie mixli wkoll li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti u li hu riċediv.

Wara li rreġistra l-ammissjoni tiegħu għall-akkużi kollha, il-Qorti sabitu ħati u kkundannatu għal piena ta’ 35 xahar ħabs, kif ukoll multa ta’ €4,000. Il-Maġistrat ordnat ukoll li Debono jkun marbut b’garanzija ta’ €2,000 biex ma jdejjaqx u ma jimmolestax lill-parti ċivili.