Lokali

“L-attenzjoni m’għandix tkun fuq dawk li qed jerġgħu jiktbu l-istorja”

Aħna ninsabu spalla ma’ spalla mal-vittmi kollha tal-vjolenza domestika u sesswali u l-fastidju.

Kien dan il-messaġġ li waslet il-Malta Women’s Lobby, wara l-podatta online ta’ Ricky Caruana li stieden lill-Eks Kunsillier Laburista Justin Haber, li wara li nstab ħati li hedded lil oħtu, Pearl Vella Haber, kif ukoll ħati ta’ fastidju sesswali fuq impjegata li kienet tifla ta’ 14-il sena.

Il-Malta Women’s Lobby, kompliet tgħid li kull tentattiv biex tittejjeb il-perċezzjoni pubblika ta’ persuni li nstabu ħatja mis-sistema legali ma jħassarx il-ħsara li saret u lanqas ma jippromwovi l-ġustizzja jew il-fejqan. Anzi, dan jirriskja li jiddevja l-attenzjoni minn fejn tassew għandha tkun, filwaqt li jnaqqas l-importanza tal-esperjenzi reali u t-tbatija kontinwa ta’ dawk li ġarrbu l-ħsara.

L-attenzjoni m’għandix tkun fuq dawk li qed jippruvaw jerġgħu jiktbu l-istorja tagħhom stess. Huwa essenzjali li nisimgħu lill-vittmi, nirrikonoxxu t-tbatija tagħhom, nemmnu fihom, u niżguraw li jingħataw għajnuna reali. Għandna nagħtu prijorità lil dawk li qed ibatu, mhux lil dawk li qed ifittxu li jnaddfu r-reputazzjoni tagħhom, diskors li jservi biss biex iwarrab lill-vittmi.

Il-Malta Women’s Lobby kompliet tgħid lil kull mara u tifla li ġarrbet uġigħ speċjalment minn irġiel li użaw il-poter, il-kontroll jew il-biża’ kontrihom li huma jemmnu fihom, huma qegħdin magħhom.

Fuq kollox il-Malta Women’s Lobby saħqet li l-abbuż qatt mhu t-tort tal-vittma u li l-vittma jistħoqilha s-sigurtà, id-dinjità u l-ġustizzja.

Ir-responsabbiltà tagħna, bħala soċjetà, hija li nqiegħdu lis-superstiti fiċ-ċentru, mhux lil dawk li qed jippruvaw jirriabilitaw ir-reputazzjoni tagħhom, temmet tgħid il-Malta Women’s Lobby.