Lokali

Appell biex tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ spazji li qed jiġu okkupati

“L-ispazji pubbliċi huma ta’ kulħadd – b’mod ugwali, sigur u b’dinjità”.

Kienet din il-konklużjoni prinċipali li wasal għaliha l-Ombudsman f’rapport ippubblikat dwar il-bankini, u kif dawn il-maġġoranza tal-ħin ikunu ostakolati.

Wara li l-Kummissarju għall-Anzjani ressaq l-inkwiet tiegħu quddiem l-Ombudsman, rigward l-bżonn ta’ bankini siguri għall-mobiltà ta’ persuni anzjani – kien enfasizzat illi bankini ostakolati jaffetwaw ukoll lill-pubbliku b’mod ġenerali. U fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Ombudsman ippubblika numru ta’ proposti.

L-Ombudsman irrakkomanda li l-Awtorità tal-Artijiet tippubblika lista sħiħa u trasparenti tal-konċessjonijiet kollha mogħtija għall-użu tal-art pubblika – inkluż bankini. Li dawn ikunu infurzati u li tittieħed azzjoni kontra kull okkupazzjoni irregolari – u jiġu imposti multi kif jeħtieġ.

Hu rrakomanda wkoll illi l-permessi li jinħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar u li jippermettu l-istabbilimenti tal-ikel fuq barra li jarmaw fuq il-bankini, għandhom jinkludu kundizzjonijijet li z-zona allokata tiġi mmarkata b’mod fiżiku.

Ir-rapport jinkludi anke proposta sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar tingħata s-setgħa li tieħu azzjoni ta’ infurzar b’mod dirett kontra kull tip ta’ ksur. U li jsiru emendi regolatorji fl-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp sabiex jippermettu li ssir tneħħija u kkonfiskar ta’ oġġetti immobbli.

L-Ombudsman irrakkomda wkoll illi l-konċessjonijiet kollha dwar l-għamara ta’ barra għandhom ikun suġġetti għal kundizzjonijiet definiti u li f’każijiet li ma jkunux konformi jistgħu jiġu revokati. Dan filwaqt li l-Kunsilli Lokali u l-entitajiet lokali jeħtieġ li jkollhom is-setgħa li jagħmlu spezzjonijiet b’mod verifikat u spiss.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Ombudsman, spjega li meta prattiċi kulturali jaffetwaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-drittijiet jieħdu prijorità u għaldaqstant huwa obbligu tal-awtoritajiet li jagħmlu biċ-ċert li ħadd ma jkun eskluż fl-ispazji pubbliċi f’pajjiżna. Dan filwaqt li enfasizza li l-aċċessibbiltà għandha tiġi integrata mill-bidu fl-istadju tal-ippjanar u mhux tiddaħħal wara xi ilment.