Festa Ċitru ta’ din is-sena se ssir nhar il-Ħadd 18 ta’ Jannar, u se terġa’ toffri l-opportunità lill-familji li jakkwistaw frott taċ-ċitru maqtugħ mill-ġonna storiċi tal-Palazz ta’ Sant’Anton.
Dettalji dwar l-attività ta’ din is-sena, b’risq il-Malta Community Chest Fund, ingħataw waqt attività indirizzata mill-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, fil-preżenza ta’ tfal mill-Iskola Primarja Tumas Dingli ta’ Ħ’Attard, parti mill-Kulleġġ San Nikola, u mill-Iskola Primarja ta’ Sant’Iermu, fil-Belt Valletta, parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca.
Matul l-attività, it-tfal għenu billi ppakkjaw iċ-ċitru f’boroż. Huma ġew offruti wkoll larinġ magħsur frisk, daqu wħud mill-prodotti magħmula miċ-ċitru u ngħataw frott biex jieħdu magħhom id-dar.
L-attività ta’ din is-sena tiftaħ fid-9am u tibqa’ għaddejja sa waranofsinhar, bil-pubbliku jista’ jgawdi minn divertiment waqt li jżur numru ta’ stalls u jixtri ċ-ċitru, fosthom lumi, larinġ u mandolin, fost oħrajn. Se jkun hemm ukoll kejkijiet, ġamm, ħelu u prodotti oħra magħmula mill-kokijiet tal-kċina tal-Palazz ta’ Sant’Anton. Dan minbarra esibituri oħra, li se jbigħu prodotti tradizzjonali u tal-artiġġjanat.
Fid-9.30am, l-Arċisqof Charles J Scicluna jiċċelebra quddiesa fil-kappella storika tal-Palazz ta’ Sant’Anton, il-Kappella Russa tas-Seklu 19, liema quddiesa se tkun miftuħa għall-pubbliku bħala parti minn Festa Ċitru.



Din is-sena, Festa ċitru se toffri opportunità unika lill-familji li jżuru wkoll is-swali tal-Palazz ta’ Sant’Anton; ir-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta. Matul il-ġurnata, sa kmieni waranofsinhar, dawk li jattendu għal Festa Ċitru se jkunu jistgħu jattendu għal tours iggwidati madwar il-Palazz ta’ Sant’Anton, waqt li jirċievu informazzjoni storika dwar dan il-Palazz u x-xogħol li jsir minnu.
Festa Ċitru hi l-ewwel attività tas-sena mill-kalendarju ta’ attivitajiet b’risq il-Malta Community Chest Fund, bil-pubbliku li jattendi jkun qed jikkontribwixxi biex l-MCCF tkompli bil-missjoni tagħha ta’ għajnuna f’sitwazzjonijiet diversi li jirrikjedu wens.
//= $special ?>

