Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta jilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar, anke jekk wara stennija twila, li fl-aħħar ġie ffirmat il-ftehim biex jibda r-restawr tal-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu.
Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista, kemm dawk tal-lum kif ukoll dawk tal-leġiżlatura ta’ qabel li kienet tinkludi lil Christian Micallef u Mark Spiteri Lucas, insistew b’mod konsistenti għal snin sħaħ biex dan il-ftehim jiġi ffirmat.
Madankollu, sfortunatament, dan il-proġett spiċċa vittma ta’ piki b’mod partikolari min-naħa tas-Sindku Olaf McKay li llum kien minn tal-ewwel li ħareġ jiftaħar fuq il-midja soċjali li ffirma dan il-ftehim u ftaħar ukoll li kien parti minn tim wieħed li ħadem għalih, meta kulħadd jaf li ma kienx assolutament il-każ. Kien l-istess McKay li fixkel dan il-proġett għal xhur sħaħ u saħansitra waqqa’ t-tender għal xogħlijiet li kellhom isiru. L-ipokrezija li qed juri llum is-Sindku ma tnessi lill-ebda Belti t-tfixkil min-naħa tiegħu għal dan il-proġett tant mistenni mill-Beltin u anke n-nuqqas ta’ qbil ma’ sħabu stess.
Il-firma waslet xahar qabel il-festa titulari ta’ San Pawl Nawfragu, wara snin twal ta’ dewmien, tfixkil amministrattiv u nuqqas ta’ deċiżjonijiet, u tikkonferma dak li dejjem qal il-Partit Nazzjonalista li dan hu proġett meħtieġ u li din kienet id-deċiżjoni li kellha tittieħed mill-bidu nett.
Ta’ min ifakkar li minkejja t-twaqqigħ doppju u bla bażi tat-tender, u minkejja l-proċeduri legali quddiem il-Qorti kif ukoll quddiem il-Public Contracts Review Board, il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista b’mod unanimu dejjem esprimew l-appoġġ tagħhom għal dan il-proġett, tul leġiżlaturi differenti. Hu għalhekk li dan ir-riżultat jikkonferma bl-aktar mod ċar dak li dejjem emmnu fih u stinkaw għalih ir-rappreżentanti tal-PN bħala kunsillieri tal-Beltin kollha.
Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt qed jistennew bil-ħerqa li jibdew ix-xogħlijiet fuq il-Knisja Kolleġġjata wara snin ta’ dewmien. Sfortunatament id-dewmien żejjed kompla jiggrava d-deterjorazzjoni tal-faċċata. Għalhekk kien meħtieġ li l-Gvern Ċentrali jieħu r-responsabbiltà sħiħa tal-proġett, biex issa l-proġett se jkun taħt ir-responsabbiltà tad-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Kultura, kif sar f’diversi każijiet oħra ta’ knejjes u faċċati f’Malta u Għawdex.
Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta jirringrazzjaw lill-Arċipriet u lill-Kapitlu tal-Kolleġġjata, flimkien mal-Għaqda tal-Pawlini u l-parruċċani kollha, li minkejja kull ostaklu, tfixkil u intriċċi, baqgħu jemmnu fil-proġett.
Illum jistgħu, b’moħħhom mistrieħ, ikomplu l-preparamenti għal festa oħra kbira x-xahar id-dieħel.
Dan intqal fi stqarrija minn Ylenia Montfort il-Minority Leader u Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Belt Valletta, Roberta Bonello Felice, Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Belt Valletta u Vince Fabri Kunsillier Lokali tal-PN fil-Belt Valletta.
//= $special ?>

