Lokali

F’sena, il-prezz tal-proprjetà residenzjali żdied b’5.7%

Fit-tielet kwart tal-2025, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Proprjetà Residenzjali irreġistra żieda annwali ta’ 5.7 fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2024.

Dan kien konfermat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika illi spjega wkoll kif fiż-żmien mistħarreġ, l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Appartamenti u l-Indiċi tal-Prezzijiet tal-Maisonettes kellhom żidiet annwali taʼ 5.3 u 5.9 fil-mija, rispettivament.

Fit-tielet kwart tal-2025, kien hemm żieda taʼ 1.6 fil-mija meta mqabbel mat-tieni kwart tal-2025.

Intant, din il-konferma tkompli turi kemm il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi qed iġorr piż kbir biex jixtri proprjeta. Dan wara li studju ieħor ippublikat fl-aħħar jiem wera li hemm nuqqas serju ta’ affordabbilta fis-settur, dovuta għaż-żieda fil-kirjiet – li qabżet it-tkabbir tal-pagi u l-aġġustamenti għall-għoli tal-ħajja.

Il-union bl-isem Solidarjetà ippublikat studju illi juri li inqas minn 25% tal-familji jaffordjaw il-kera li jħallsu, 25%-30% jsibuha marġinalment affordabbli, 30%-40% jkunu taħt pressjoni u iktar minn 40% jħossu piż żejjed biex ilaħħqu mal-kera.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Partit Nazzjonalista talab lill-Gvern biex ipoġġi mal-Oppożizzjoni u flimkien ma’ stakeholders professjonisti fil-qasam u mal-pubbliku, iħarsu b’serjetà lejn soluzzjonijiet biex kulħadd ikun jista’ jerġa’ jibda jgħix ħajja b’dinjità, b’saqaf fuq rasu.