Ċavetta kruċjali mitlufa, skieken, ilma kkontaminat, oġġetti llegali.
Hija din is-sitwazzjoni degredanti li tinsab fiha l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – bis-sorsi tagħna fil-ħabs jispjegaw li t-tmexxija tilfet il-kontroll totalment, speċjalment wara l-aħħar storja li kexkxet lil bosta – dik ta’ ċavetta importanti li kienet “mitlufa”.
Kienu propju ftit tal-jiem ilu meta l-faċilità inħakment minn kaos enormi. U l-uffiċjali korrettivi kienu msejjħin kollha – inkluż dawk bil-leave – sabiex jassistu fi tfittxija estensiva fil-ħabs għal ċavetta importanti.
Sforz is-skiet tad-Direttur Christopher Siegersma, u l-Ministru responsabbli Byron Camilleri, ir-rapporti huma kuntrastanti.
Fil-fatt, persuni li tkellmu magħna mill-ħabs spjegaw illi ċavetta li tiftaħ division 11 ingħatat lit-tmexxija tal-ħabs minn priġunier li qed jiskonta s-sentenza tiegħu f’division 3. U l-biża’ kienet li saret kopja ta’ din iċ-ċavetta.
Iżda b’mod separat, sors ieħor qalilna li ċ-ċavetta nstabet f’post moħbi u li din kienet ‘master key‘ – cioè – tiftaħ iċ-ċellel kollha tas-central division tal-faċilità kollha. Ċavetta li skont l-istess sorsi setgħet twassal għall-akbar ħarba mill-ħabs Malti fl-istorja ta’ pajjiżna.
Priġunier: “Din iċ-ċavetta hija l-master key, tiftaħ iċ-ċellel tac-central, kullimkien, id-diviżjoni tas-central, 1,2,3 kullimkien insomma”
Li hu żgur hu, li r-rapporti qablu fuq ħaġa waħda – is-sejbien ta’ oġġetti illegali madwar il-ħabs kollu. Inkluż skieken u oġġetti oħra li setgħu kienu ta’ periklu kemm għall-priġunieri u anke għall-uffiċjali infushom.
Priġunier: “Search kullimkien, nies ma jidħlux u ma joħorġux, ma jistgħu jagħmlu xejn. Imbagħad sabu sikkina kbira fil-kappella – għax dawn għamlu search kullimkien”
Numru ta’ sorsi li tkellmu ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet qalulna wkoll illi huma diversi l-uffiċjali li t-tmexxija qed issus fuqhom minħabba l-fatt li “minn fuq nett” qed isostnu li din il-ħadma kollha ma setgħetx issir mill-priġunieri biss; iżda anke mill-uffiċjali u nies fi ħdan it-tmexxija.
Priġunier: “Naf ċert li kien hemm uffiċjali involuti, ovvjament dawn mhux affarijiet li jagħmel priġunier waħdu..hemm uffiċjali involuti”
Priġunier partikolari spjegalna illi apparti l-inkwiet tremend dwar is-sigurtà fi ħdan l-aktar faċilità li suppost hi sigura, huwa kbir l-inkwiet anke dwar is-saħħa tal-priġunieri u l-ħaddiema.
Dan hekk kif, fl-aħħar xhur kienu diversi l-priġunieri li kellhom jittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li fuqhom telgħu mfafet sforz l-ilma kkontaminat li huma jinħaslu bih.
Priġunier: “Division 11, 12 u c-central, hemm ħafna nies mimlijin ponot – qishom toqba. U meta mmorru b’urġenza għand id-dermatologist l-Isptar, jgħidilna iva, hemm bacteria fl-ilma imma d-Direttur jgħid li ma hemmx”
Minkejja l-provi konkreti li anke jiġu minn ċertifikati mediċi mit-tobba – allegatament, id-Direttur Siegersma qed jinsisti li l-problema tal-ilma ma teżistix.
Jibqa’ l-fatt li id-Direttur għadu sieket, anke wara żewġ emails li ntbgħatu minn din il-kamra tal-aħbarijiet. Skiet itarrax li jkompli jkabbar l-ispekulazzjonijiet u l-ħsieb li dan il-każ huwa każ li l-ħabs flimkien mal-Gvern irid iżommu mistur.

