Lokali

Il-ktieb INĦOBBKOM dwar Monsinjur Victor Grech stampat mill-ġdid

Wara li l-ewwel 1000 kopja tal-ktieb ġew miksuba kollha fi żmien xahar, il-pubblikazzjoni INĦOBBKOM, li tiċċelebra l-ħajja ta’ Monsinjur Victor Grech, reġgħet ġiet stampata f’ammont akbar ta’ kopji grazzi għal sponsor li appoġġja finanzjarjament l-inizjattiva.

PG Group, li hu kompost minn Pavi-Pama, Zara u Zara Home, daħlu għall-ispejjeż biex jiġu stampati 2,000 kopja oħra ta’ din il-pubblikazzjoni. Dan sar biex tintlaħaq it-talba mill-pubbliku għal dan il-ktieb. Bis-saħħa ta’ dan il-benefattur id-dħul kollu minn dan il-ktieb se jmur kollu b’risq Caritas Malta għas-servizzi offruti bla ħlas għal dawk l-aktar vulnerabbli.

PG Group,  huma meqjusa fost l-akbar sostenituri ta’ Caritas Malta. Fil-fatt kull sitt xhur Caritas Malta tirċievi divedents mingħand PG Group li dejjem ikunu mmirati lejn xi proġett partikolari. L-għajnuna li tkopri l-ispejjeż hija għajnuna addizjonali ta’ PG Group lil Caritas Malta.

Anthony Gatt, Direttur ta’ Caritas Malta, qal li: “Id-domanda kbira mingħand min xtaq jakkwista din il-pubblikazzjoni, turi l-imħabba tal-pubbliku lejn Monsinjur Victor Grech. Ħassejna obbligu li nipprovdu l-ktieb lil kull min xtaqu u għalhekk fittixna sponsor biex nistampaw aktar kopji. Mat-telefonata li għamilt ma’ PG Group,  mill-ewwel aċċettaw li jidħlu għal din l-ispiża biex il-ktieb jerġa’ jiġi stampat u tinżamm ħajja l-memorja kollettiva ta’ Dun Victor.” Hu rringrazzja lill-isponsors għal dan is-sapport kontinwu tagħhom.

Għal din l-okkażjoni d-direttur ta’ Caritas Malta ppreżenta kopja tal-ktieb INĦOBBKOM lis-Sur Malcolm Camilleri, CEO ta’ PG Group.

Malcolm Camilleri rringrazzja lid-Direttur ta’ Caritas Malta u spjega li hu ta’ privileġġ li l-kumpanija tagħti sapport lil Caritas Malta għax temmen bis-sħiħ fil-ġid kbir li għamel Monsinjur Victor Grech lis-soċjetà Maltija u b’din il-pubblikazzjoni qed jinżamm ħaj il-legat tiegħu.

INĦOBBKOM jista’ jiġi akkwistat mill-ħwienet kollha tal-Aġenda BookShop u librara ewlenin għal donazzjoni ta’ €30.