Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet parzjalment appell imressaq minn Brian Agius u riformat is-sentenza li kienet ingħatatlu mill-Qorti tal-Maġistrati dwar serqa aggravata li seħħet f’Ħal Qormi fl-2021.
Filwaqt li kkonfermat is-sejbien ta’ ħtija tiegħu bħala kompliċi f’serqa aggravata bil-vjolenza, bil-lok u bil-mezz, kif ukoll il-ħtija tiegħu għal reat imwettaq waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u r-reċidiviżmu, il-Qorti ddeċidiet li tirrevoka l-piena ta’ tliet snin priġunerija effettiva u tissostitwiha b’sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, flimkien ma’ ordni ta’ superviżjoni.
Il-każ kien jirrigwarda serqa li seħħet fis-7 ta’ Marzu 2021 minn residenza fi Triq il-Vitorja, Ħal Qormi, fejn ġew misruqa flus kontanti u kkawżati ħsarat fis-serratura. L-investigazzjonijiet tal-pulizija, imsaħħa minn filmati ta’ kameras tas-sigurtà, urew kif tliet persuni waslu fuq il-post b’vettura Skoda Forman li kienet irreġistrata fuq Agius.
Il-Qorti tat importanza partikolari għall-fatt li l-appellant wassal lill-awturi fuq ix-xena u kif intużat il-vettura qabel u wara s-serqa, u qieset il-verżjoni tiegħu li ma kienx jaf x’kien qed jiġri bħala mhux veritiera u mimlija kontradizzjonijiet.
Fl-appell tiegħu, Agius sostna li l-provi, b’mod partikolari l-filmati tas-CCTV, ma kinux affidabbli u li ma kienx hemm prova ta’ “common design” bejnu u l-awtur prinċipali. Madankollu, il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-espert tal-Qorti kien ikkonferma l-awtentiċità tal-filmati u li l-provi kollha flimkien kienu biżżejjed biex l-Ewwel Qorti tasal b’mod raġonevoli għal sejbien ta’ ħtija.
Il-Qorti, madankollu, tat piż ukoll għas-sitwazzjoni personali ta’ Agius, b’mod partikolari l-istorja tiegħu ta’ dipendenza fuq id-droga. Wara li assumiet il-funzjonijiet ta’ Qorti dwar id-Droga u rat rapport pożittiv mill-Bord ta’ Riabilitazzjoni, li kkonferma li l-każ tiegħu kien ingħalaq b’suċċess, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li r-reati kienu prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu.
Għaldaqstant, applikat l-Artikolu 8(7) tal-Kapitolu 537 u ddeċidiet li ma tapplikax it-terminu minimu mandatorju ta’ priġunerija. Barra minn hekk, il-Qorti revokat ukoll id-deċiżjoni li s-sentenza sospiża preċedenti ta’ 12-il xahar tidħol fis-seħħ u ordnat li l-perjodu operattiv tagħha jibda jiddekorri mill-ġdid mid-data tas-sentenza tal-appell. Ġiet kkonfermata wkoll l-ordni biex Agius iħallas €879.57 fi spejjeż peritali.
Fl-aħħar nett, il-Qorti wissiet lill-appellant bil-konsegwenzi legali jekk jikkommetti reat ieħor jew jikser il-kundizzjonijiet imposti fuqu, filwaqt li ordnat li, wara perjodu ta’ tliet snin, dan ir-reat ma jitteħidx in konsiderazzjoni għall-finijiet taċ-ċertifikat tal-kondotta, skont il-liġi. Għal Agius dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.
//= $special ?>

