Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, laqgħet parzjalment l-appell ta’ Tyson Bugeja ta’ 30 sena mill-Birgu u għalkemm ikkonfermat is-sejbien ta’ ħtija fuq l-imputazzjonijiet kollha, iddeċidiet li tvarja b’mod sostanzjali l-piena ta’ sitt snin priġunerija effettivi li kienet ġiet imposta mill-Qorti tal-Maġistrati f’Marzu tas-sena l-oħra. Issa s-sentenza ta’ ħabs tiegħu ġiet sospiża.
Il-każ jirrigwarda sensiela ta’ reati mwettqa bejn l-1 u t-2 ta’ Ottubru 2024, fosthom l-użu mhux xieraq ta’ apparat ta’ komunikazzjoni elettronika, theddid, ksur ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni favur l-eks sieħba tiegħu Miraine Bugeja, kif ukoll diversi ksur ta’ kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u reat imwettaq waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
Fl-ewwel istanza, Tyson Bugeja kien instab ħati tal-imputazzjonijiet kollha u ġie kkundannat għal piena kumplessiva ta’ sitt snin ħabs, multa ta’ €10,000, kif ukoll ġiet attivata sentenza sospiża oħra ta’ sentejn priġunerija. Il-Qorti kienet ordnat ukoll il-konfiska ta’ €22,500 minn diversi depożiti marbuta mal-kundizzjonijiet tal-pleġġ.
Fl-appell tiegħu, Bugeja kkontesta b’mod partikolari s-sejbien ta’ ħtija dwar l-ewwel imputazzjoni, li tikkonċerna messaġġi ta’ theddid u użu mhux xieraq ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, billi sostna li l-provi kienu indizzjarji u ma kinux juru b’mod univoku li kien hu li bagħat il-messaġġi kollha. Invoka wkoll ir-rinunzja espressa mill-parti offiża, li quddiem il-Qorti tal-Appell iddikjarat li kienet taħt l-effett tad-droga fiż-żmien tal-fatti, li llum irrikonċiljat mal-appellant u li xtaqet taħfirlu.
Il-Qorti tal-Appell iżda ċaħdet dawn l-ilmenti dwar il-ħtija. Wara analiżi dettaljata tal-provi, fosthom il-kontenut tal-messaġġi, ir-ritratti intimi mibgħuta, it-theddid li dawn jiġu ppubblikati, il-ħinijiet tal-komunikazzjoni li segwew mill-qrib ir-rilaxx tal-appellant mill-ħabs u l-fatt li l-profil li minnu ntbagħtu l-messaġġi kellu r-ritratt tal-appellant ma’ bintu, il-Qorti qalet li kienet moralment konvinta li l-messaġġi ma setgħux ġew mibgħuta minn ħaddieħor ħlief Tyson Bugeja.
Sostniet ukoll li r-rinunzja tal-parti offiża ma setgħetx twassal għall-waqfien tal-proċeduri, peress li r-reati inkwistjoni huma prosegwibbli ex officio mill-Pulizija u ma jiddependux fuq kwerela privata. Madankollu, meta ġiet biex tikkunsidra l-piena, il-Qorti tal-Appell qieset ir-rikonċiljazzjoni bejn il-partijiet u l-maħfra espressa mill-vittma bħala fattur rilevanti.
Għalhekk, filwaqt li kkonfermat il-multa ta’ €5,000 għall-ewwel imputazzjoni u żammet fis-seħħ il-multa ta’ €10,000 imposta fl-ewwel istanza, iddeċidiet li tnaqqas il-piena ta’ sitt snin priġunerija għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti ordnat ukoll li Bugeja jitqiegħed taħt Ordni ta’ Superviżjoni għal erba’ snin, bil-kundizzjoni li jfittex kura għall-problema tad-droga tiegħu.
Fir-rigward tas-sentenza sospiża preċedenti ta’ sentejn priġunerija, il-Qorti kkonfermat il-ħtija iżda ddeċidiet li t-terminu operattiv ta’ erba’ snin jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid mid-data tas-sentenza tal-appell, fid-dawl tal-maħfra mogħtija mill-parti offiża. Fil-bqija, is-sentenza appellata ġiet ikkonfermata fl-intier tagħha.
//= $special ?>

