Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Dr Edwina Grima, ċaħdet l-appell ippreżentat minn Dylan Muscat u kkonfermat is-sentenza ta’ tmien xhur priġunerija effettiva li kienet ingħatatlu mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab li kiser l-Ordni ta’ Probation impost fuqu.
Is-sentenza appellata kienet ingħatat fit-13 ta’ Marzu 2025 wara li rriżulta li Muscat naqas milli josserva l-Ordni ta’ Trattament marbuta mal-Ordni ta’ Probation li kienet ġiet imposta fuqu f’Novembru tal-2023. Il-każ oriġina minn proċeduri fejn Muscat kien ammetta diversi akkużi relatati ma’ ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, ksur ta’ Ordni ta’ Protezzjoni, theddid u reati oħra marbuta ma’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ Natalia Busuttil.
Minħabba n-natura tar-reati u l-karattru tal-imputat, il-Qorti kienet inizjalment qegħditu taħt Ordni ta’ Probation, Ordni ta’ Trattament u Ordni ta’ Trażżin biex tiġi ssalvagwardjata l-vittma. Madankollu, wara rikors ippreżentat mill-Uffiċjal tal-Probation, irriżulta li Muscat ma kienx qed jikkonforma ruħu mal-Ordni ta’ Trattament, hekk kif naqas milli jattendi s-servizzi offruti lilu u rrifjuta li jikkopera.
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Maġistrati rrevokat l-Ordni ta’ Probation u kkundannatu għal tmien xhur ħabs, filwaqt li ħarġet ukoll Ordni ta’ Trattament ġdida għal perjodu ta’ tliet snin u ħalliet fis-seħħ l-Ordni ta’ Trażżin.
Fl-appell tiegħu, Muscat talab li s-sentenza ta’ priġunerija tiġi varjata u li jerġa’ jitqiegħed taħt Ordni ta’ Probation, billi sostna li n-nuqqasijiet tiegħu kienu dovuti għal diffikultajiet personali u li issa kien lest li jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet imposti fuqu.
Il-Qorti tal-Appell, wara li eżaminat il-fedina penali tiegħu u semgħet ix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation, osservat li l-problemi ta’ vjolenza domestika kienu persistenti u li l-appellant kien fetaħ ukoll kawżi oħra simili wara l-2023.
Il-Qorti qieset li minkejja li Muscat beda jattendi terapija u programm ta’ trattament, dan l-isforz wasal tard wisq u ma kienx biżżejjed biex jiġġustifika trattament aktar favorevoli. Għaldaqstant, iddeċidiet li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti biex tinbidel is-sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti u għalhekk ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza fl-intier tagħha.
//= $special ?>

