Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, ordnat it-tneħħija ta’ pajpijiet tal-ilma u wajers tad-dawl u tal-internet li kienu mwaħħla fl-arja tal-ħajt diviżorju komuni bejn żewġ proprjetajiet f’Ħad-Dingli, wara li sabet li dawn kienu qed jiksru d-drittijiet propjetarji tar-rikorrent.
Il-kawża tressqet mit-Tabib Wilfred Galea kontra Godwin Caruana u martu Mary Caruana, li huma sidien tal-proprjetà biswit dik tar-rikorrent fi Triq il-Knisja. Dr Galea sostna li l-intimati installaw pajpijiet u wajers fl-arja tal-ħajt diviżorju komuni li jaqsam iż-żewġ fondi, b’mod li qed jinvadu l-proprjetà tiegħu u jtellfu d-dritt tiegħu li, jekk ikun irid, jestendi l-istess ħajt vertikalment skont il-liġi.
Il-Qorti semgħet kif il-ħajt diviżorju l-antik, ta’ disa’ pulzieri ħxuna, jinsab mibni fuq il-linja medjana u huwa miżmum in komun bejn il-partijiet. Meta l-intimati żviluppaw il-proprjetà tagħhom, huma bnew ħajt ieħor fil-proprjetà esklussiva tagħhom u, fuq il-parti esterna tiegħu, waħħlu pajpijiet u wajers li, skont ir-rapport peritali tal-esperta ġudizzjarja l-Perit Marie Louise Caruana Galea, jinsabu fl-arja tal-ħajt diviżorju komuni u huma viżibbli min-naħa tal-proprjetà tar-rikorrent.
Ir-rapport peritali kkonkluda li l-preżenza tal-pajpijiet qed tippreġudika d-dritt tar-rikorrent li jtella’ l-ħajt diviżorju bl-istess ħxuna, li qed toħloq riskju ta’ ħsara f’każ ta’ tnixxijiet, u li kwalunkwe tiswija fuqhom teħtieġ aċċess mill-proprjetà tar-rikorrent.
Min-naħa tagħhom, l-koppja argumentaw li l-pajpijiet kienu mwaħħla mal-ħajt tagħhom u li kienu lesti, fl-ispirtu ta’ buon viċinat, jordmuhom fil-ħajt tagħhom jekk ir-rikorrent jiġi biex jibni. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qalet li għalkemm komproprjetarju jista’ juża ħaġa miżmuma in komun, dan l-użu ma jistax isir b’mod li jċaħħad lill-komproprjetarju l-ieħor mid-drittijiet tiegħu.
Il-Qorti nnotat ukoll li l-liġi tipprojbixxi t-twaħħil ta’ pajpijiet u strutturi simili fuq il-ħajt diviżorju komuni meta dawn ikunu ta’ ostaklu għall-estensjoni tiegħu u jistgħu jikkawżaw ħsara. Għaldaqstant, filwaqt li astjeniet milli tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-logg u l-ventilatur peress li dawn kienu diġà tneħħew, il-Qorti ddikjarat li l-installazzjoni tal-pajpijiet u l-wajers tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tar-rikorrent.
Hija ordnat lill-intimati biex, fi żmien tliet xhur minn meta s-sentenza tidħol fis-seħħ, ineħħu l-pajpijiet u l-wajers mill-arja tal-ħajt diviżorju u jippristinawh fl-istat oriġinali tiegħu taħt is-superviżjoni tal-Perit Marie Louise Caruana Galea u bi spejjeż tagħhom.
F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità, ir-rikorrent ingħata l-awtorizzazzjoni li jwettaq ix-xogħol hu stess, dejjem bi spejjeż tal-intimati. L-ispejjeż kollha tal-kawża ġew imposti fuq Godwin u Mary Caruana.
//= $special ?>

