Internazzjonali

Il-qtil tal-mara f’Minnesota: L-FBI ma jippermettix li l-uffiċjali lokali jkollhom sehem fl-investigazzjoni — fost il-protesti tan-nies

L-Istat ta’ Minnesota għadu maħkum mit-tensjoni wara l-qtil, jiem ilu, ta’ mara taħt idejn uffiċjal tal-Aġenzija ICE għall-Infurzar tal-liġijiet dwar l-Immigrazzjoni u Dwana… Sparatura li issa saret issue nazzjonali, b’uffiċjali tal-Gvern isostnu li l-aġent tal-ICE li fetaħ n-nar fuq il-karozza tal-mara kien qed jiddefendi ruħu minn attakk — bl-uffiċjali lokali u r-residenti f’Minnesota qed jgħidu li l-mara ma kienet ta’ periklu għal ħadd u li l-qtil tagħha għandu jitqies bħala omiċidju bla sens.

L-uffiċjali f’Minnesota, fl-aħħar sigħat, qalu li l-FBI ma kienx qed jippermetti li huma jkunu involuti fl-investigazzjoni dwar il-qtil tal-mara – Renee Nicole Good ta’ 37 sena – li mietet ftit wara li qalgħet it-tiri.

Dan ukoll meta folol kbar ta’ nies qed imexxu l-protesti fit-toroq ta’ Minneapolis fejn qed jgħajjtu kontra l-preżenza tal-aġenti tal-ICE f’din il-belt u l-metodi brutali li huma qed jużaw fuq il-poplu.

Il-Gvernatur ta’ Minnesota, Tim Walz, akkuża lill-Amministrazzjoni tal-President Donald Trump dwar pjan biex iwaqqaf lill-uffiċjali tal-Istat partikulari  milli jissieħbu u jaġġornaw ruħhom dwar l-investigazzjoni.

Sadanittant, il-Bureau of Criminal Apprehension ta’ Minnesota qal li l-FBI, għall-bidu, kien qabel li l-investigazzjoni ssir bis-sehem gal-uffiċjali taql-istess Bureau iżda l-FBI, maż-żmien, irreveda l-pożizzjoni u, issa, qed jiċħad lill-awtoritajiet ta’ Minnesota minn aċċess għall-provi u materjal li jista’ jgħin fl-investigazzjoni.

Għaldaqstant, il-Bureau ta’ Minnesota, ‘kontra qalbu’ qed ikun kostrett li jirtira mill-inkjesta dwar il-qtil tal-mara.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi-President Amerikan, JD Vance, insista li l-inċident f’Minnesota għandu jitqies ‘biss’ bħala issue federali.

Min-naħa tagħha, Kristi Noem, is-Segretarju għal Homeland Security (l-Intern), ma biddlitx il-versjoni tagħha dwar il-każ, fejn qalet li l-aġent tal-ICE kien spara diversi tiri lejn Renee Nicole Good għaliex hi kienet qed tipprova ttajjar lill-istess aġent bil-karozza tagħha.

Intant, il-Gvernatur Walz, waqt konferenza tal-aħbarijiet, esprima l-inkwiet li l-Gvern federali mhux se jkun jista’ iwettaq investigazzjoni xierqa li ma tkunx ikkundizzjonata mill-interessi politiċi u ulterjuri.

Iżda l-Viċi-President Vance qed jgħid li inċident bħal dan irid jaqa’ biss taħt il-ġurisdizzjoni tal-FBI u li ma hemm l-ebda preċedent fl-Istati Uniti fejn uffiċjal lokali kien involut fil-prosekuzzjoni ta’ każ fuq dan il-livell.

Il-videos tal-inċident qed juru lill-aġenti tal-ICE waqt li qed javviċinaw il-karozza, SUV, ta’ Good, fost l-għajjat biex hi toħroġ mill-vettura li kienet f’nofs ta’ triq.

Wieħed mill-aġenti jidher qed jipprova jiftaħ bieba tal-karozza u fejn, dritt wara, il-mara tipprova ssuq ‘il hinn — bl-aġenti jibqgħu  weqfin maż-żewġ naħat tal-vettura.

L-azzjoni fuq il-filmat tintemm  b’wieħed mill-aġenti jipponta l-arma lejn il-karozza fost il-ħsejjes ta’ diversi tiri….Dan waqt li l-karozza  kompliet miexja sakemm, sekondi wara, kraxxjat mal-ġenb tat-triq.

Fl-aħħar sigħat, kienu qed ikomplu l-protesti popolari ta’ rabja quddiem bini federali f’Minneapolis u fejn id-dimostranti kienu qed jiffaċċjaw grupp ta’ uffiċjali armati.

Id-dimostrazzjonijiet kienu paċifiċi, iżda r-rabja tan-nies kienet evidenti il-ħin kollu, bir-residenti li kellmu lill-istampa jsostnu ‘li jrid ikun hemm il-konsegwenzi għall-azzjonijiet fejn persuna toqtol lill-oħra, kiesaħ u biered’.