Raġel ta’ 53 sena, George Farrugia, ma nstabx ħati ta’ insib illegali u ta’ żamma ta’ għasafar protetti wara li l-Qorti qieset li l-prosekuzzjoni naqset milli tipproduċi provi suffiċjenti biex issostni l-akkużi miġjuba kontrih.
Quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake, Farrugia kien mixli li f’Novembru tal-2024 nasab għal għasafar protetti, żamm għandu l-għasafar u użahom għat-taħrik. Il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ mara li qalet li kienet f’Wied il-Għajn meta rat xi għasafar f’gabbjeti li kienu qed jintużaw għall-għajjat u t-taħrik fuq mansab li kien madwar 20 metru bogħod minn fejn kienet tinsab.
Hija xehdet li rat raġel, li identifikat bħala l-imputat, imur lejn il-mansab u jerġa’ lura lejn il-vettura tiegħu diversi drabi. Pulizija li xehed fil-kawża qal li meta l-uffiċjali marru fuq il-post sabu mansab attiv b’par xbiek imdawwar bl-għasafar.
Huwa spjega li waqt tfittxija fil-bagoll tal-vettura tal-imputat instabu żewġ għasafar, li ngħataw lil membru tal-Unità tar-Regolamentazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (WBRU). Madankollu, dan il-membru ma telax jixhed fil-Qorti, u minflok telgħet tixhed persuna oħra li qalet li kienet għamlet spezzjoni fuq l-għasafar.
Il-Qorti nnotat li ma ġiex spjegat kif eżattament l-għasafar waslu f’idejn din il-persuna u li ma kienx hemm prova ċara li l-għasafar li ġew eżaminati kienu l-istess dawk li allegatament instabu fil-pussess tal-imputat. Minħabba dawn in-nuqqasijiet fil-provi, il-Maġistrat Ann Marie Thake kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma laħqitx il-livell ta’ prova meħtieġ biex tinstab ħtija.
Għaldaqstant, George Farrugia ġie illiberat minn kull akkuża miġjuba kontrih. Għall-imputat dehru l-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia.
//= $special ?>

