Il-qawwiet tar-Russja, għat-tieni darba mill-bidu tal-gwerra ‘il hawn, sparaw missila tat-tip hypersonic waqt bumbardament ieħor mill-ajru fuq l-Ukrajna…Attakk fejn inqatlu u ndarfbu numru ta’ nies fi Kiev u meta l-isplużjonijiet baqgħu jidwu għal sigħat fil-kapitali Ukrena.
L-ewwel darba li Moska użat il-missila Oreshnik kien waqt attakk, f’Novembru tal-2024, fuq il-belt Ukrena ta’ Dnipro.
U fl-aħħar sigħat, ir-Russja qalet li t-tieni attakk b’din il-missila seħħet bi tweġiba għall-attakk, jiem ilu, fejn kienu sparati d-drones lejn ir-residenza tal-President Russu, Vladimir Putin….Azzjoni li l-Gvern tal-Ukrajna għadu sallum qed jiċħad ir-responsabbiltà dwarha.
Filwaqt li Moska ma speċifikatx il-mira eżatta tal- Oreshnik, mhux eskluż li l-belt ta’ Lviv, fil-Punent tal-Ukrajna, ġarrbet l-akbar impatt ta’ din il-missila hypersonic — bil-filmati juru kwantità kbira ta’ splużjonijiet mal-periferija tal-belt.
Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, ikkonferma li l-infrastruttura fi Lviv – li tinsab 60 kilometru biss ‘il bogħod mill-fruntiera tal-Polonja — kienet intlaqtet minn missila ballistika.
Intant, il-missila Oreshnik twassal għal distanzi ta’ 5,500 kilometru fis-siegħa u bil-warhead tagħha kapaċi jinfired f’materjal li jikkaġuna l-isplużjonijiet diversi, sekondi ‘il bogħod minn xulxin, u fi bnadi differenti.
Il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Andrii Sybiha, qal li ‘attakk ta’ dan it-tip daqstant viċin pajjiż tan-NATO ( b’referenza għall-Polonja) jimponi theddida serja għas-sigurtà fil-kontinent Ewropow – minbarra li jrid jitqies ukoll bħala theddida għall-komunità transatlantika.
//= $special ?>

