Internazzjonali

Issir iċ-ċerimonja li fakkret lill-vittmi tal-Iżvizzera

“Bħala omm b’subien tal-istess età bħal ħafna mill-vittmi, ma nistax nimmaġina l-weġgħa inkredibbli li qed isofru dawn il-familji.”

Hekk iddikjarat il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, fil-preżenza tal-qraba tal-vittmi tan-nirien fi Crans Montana fl-Isvizzera. Hi attendiet ċ-ċerimonja uffiċjali li fakkret lill-Vittmi ta’ dawn in-Nirien.

Il-President tal-Parlament Ewropew saħqet li l-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-Unjoni Ewropea daħal fis-seħħ immedjatament biex jikkoordina r-rispons għad-diżastru li seħħ. U estendiet il-gratitudni tagħha lill-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja u l-Polonja, li kollettivament ħadu 35 pazjent midruba b’mod kritiku fil-kliniċi speċjalizzati tagħhom.

Il-President Metsola sellmet ukoll lill-pajjiżi kollha li offrew u bagħtu għajnuna, u lil dawk li taw l-ewwel għajnuna u aġixxew b’mod erojku taħt “ċirkostanzi orribbli.”

Din iċ-ċerimonja inkludiet lill-President Franċiż Emmanuel Macron, lill-President Taljan Sergio Mattarella, lill-Gran Duka tal-Lussemburgu, u lill-Prim Ministru Belġjan – li jirrappreżentaw front Ewropew magħqud wara wieħed mill-aktar nirien qattiela fir-reġjun fl-istorja reċenti.