Lokali

Konfermata sentenza ta’ 48 xahar ħabs wara li kkawża biża fuq oħtu

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ċaħdet l-appell imressaq minn raġel ta’ 58 sena minn Ħaż-Żebbuġ u kkonfermat fl-intier tagħha s-sentenza ta’ 48 xahar priġunerija effettiva li kienet ġiet imposta fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati.

Huwa kien instab ħati fuq ammissjoni tiegħu stess ta’ diversi akkużi serji, fosthom li kkawża biża’ lil oħtu ta’ 66 sena, li se tintuża vjolenza kontriha, u dan waqt li għamel użu minn arma tan-nar, jiġifieri shotgun. Huwa kien akkużat ukoll li hedded lil ċertu Carmelo Magro, li kellu fil-pussess tiegħu arma tan-nar u munizzjon mingħajr liċenzja, li kellu arma fuqu waqt li kien qed iwettaq reati kontra l-persuna u l-proprjetà, li naqas milli jżomm l-armi u l-munizzjon f’post sigur kif titlob il-liġi, kif ukoll li kkaġuna fastidju lil oħtu għal perijodu ta’ żmien.

Fis-sentenza tal-ewwel Qorti, mogħtija fit-18 ta’ Lulju 2025, ir-raġel kien ikkundannat għal 48 xahar priġunerija effettiva, ġiet ordnata l-konfiska tal-armi u l-munizzjon, is-sospensjoni tal-liċenzja tal-armi għal 59 xahar, ordni ta’ trażżin favur il-vittmi għal tliet snin u ordni ta’ trattament għal ħames snin biex jiġu indirizzati l-problemi tad-droga u aspetti psikoloġiċi oħra.

Fl-appell tiegħu, l-ħati sostna li l-piena kienet eżaġerata u li l-Qorti tal-Maġistrati kellha timponi piena aktar miti fid-dawl tal-ammissjoni li kien irreġistra. Madankollu, il-Qorti tal-Appell fakkret li bħala regola ma tintervenix fis-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti sakemm din ma tkunx żbaljata fil-prinċipju jew manifestament eċċessiva.

Il-Qorti semgħet mill-ġdid ix-xhieda tal-vittmi, li qalu li kienu lesti jaħfru lill-ħati sakemm jieħu bis-serjetà t-trattament li għandu bżonn, kif ukoll ix-xhieda ta’ professjonisti mediċi u soċjali li kkonfermaw li l-appellant ilu snin ibati minn problemi serji ta’ vizzju tad-droga, alkoħol u kundizzjonijiet mediċi gravi, iżda li waqt id-detenzjoni tiegħu kien qed juri progress u kooperazzjoni fit-trattament.

Minkejja dan kollu, il-Qorti tal-Appell qieset li n-natura tar-reati tibqa’ waħda serja ħafna, speċjalment peress li l-każ kien jinvolvi vjolenza domestika bejn aħwa u l-użu ta’ arma tan-nar, kif ukoll nuqqas serju ta’ kustodja xierqa tal-armi u l-munizzjon.

Il-Qorti esprimiet ukoll it-tħassib li l-progress li kien qed isir waqt id-detenzjoni jista’ jintilef jekk l-appellant jiġi skarċerat qabel iż-żmien. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li ma titbiegħedx mid-diskrezzjoni eżerċitata mill-ewwel Qorti u għalhekk ċaħdet l-appell, billi kkonfermat is-sentenza appellata fl-intier tagħha.