Futbol Sport

L-eks Ħamruniż, Stijn Meijer jiffirma ma’ Valletta

(Ritratt: Joseph Galea)

Wara esperjenza qasira ma’ Ħamrun Spartans, l-Olandiż ta’ 26 sena, Stijn Meijer se jkun qed ikompli t-tieni nofs ta’ dan l-istaġun ma’ Valletta. L-akkwist ta’ Meijer tħabbar b’mod uffiċjali mill-Beltin, l-għada li l-klabb ħabbar l-akkwist tal-Portugiz, eks Żabbar St Patrick, Diogo Tavares.

Hu mifhum li dawn iż-żewġ akkwisti ġodda se jkunu disponibbli għall-kowċ Thane Micallef, għall-partita ta’ għada li Valletta se jkunu qed jilgħabu fl-aħħar match day tal-Opening Round kontra r-rivali, Floriana.

L-akkwist ta’ Meijer jimla’ l-vojt li ħalla l-Brażiljan Jefferson, li s’issa hu l-uniku plejer barrani li Valletta ħabbru li mhux se jkunu qed iżommu għall-bqija ta’ dan l-istaġun.

Ma’ Ħamrun Spartans, Meijer lagħab l-aktar fil-partiti li ċ-champions Maltin lagħbu fl-Ewropa, hekk kid dan l-istaġun, l-Ispartans irnexxilhom jiktbu l-istorja u avvanzaw għall-fażi ta’ Kampjonat tal-UEFA Conference League. Meijer lagħab b’kollox, sitt partiti ma’ Ħamrun Spartans, b’erba’ minn dawn il-konfronti kienu fil-fażi prinċipali tal-Conference League.

L-attakkant, deskritt bħala plejer b’xamma għall-gowl gowl, ħafif u veloċi meta jkollu l-ballun f’saqajħ u abbli fid-dwelli fl-arja. Fil-livell taż-żgħażagħ, Meijer kellu esperjenza fil-livell taż-żgħażagħ ma’ Utrecht, Twente u Willem II.

Meijer lagħab l-aktar fil-Keuken Kampioen Divisie, it-tieni diviżjoni Olandiża, fejn ma’ Almere City FC, Excelsior Rotterdam u FC Dordrecht fejn skorja 46 gowl f’136 partita.