Ir-reġim fundamentalista tal-Iran qed jirreaġġixxi bl-aktar mod feroċi għad-dimostrazzjonijiet fil-pajjiż li ilhom għaddejjin mill-aħħar ġranet ta’ Diċembru…Protesti li qamu f’Tehran wara l-kollass tal-kambju lokali u meta eluf kbar ta’ Iranjani, bħalissa, qed jesprimu l-għadab dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien ‘impossibbli’ li jkollhom jiffaċċjaw.
Mistenni wkoll li t-Tmexxija Iżlamika f’Tehran — bħalma seħħ fil-passat – għandha tuża aktar metodi vjolenti biex tikkontrolla l-inkwiet.
Dan waqt li l-Mexxej Suprem tal-Iran, l-Ayatollah Ali Khamenei, ikkundanna bla riservi lid-dimostranti fit-toroq tal-kapitali.
Khamenei, li għandu l-akbar poter fil-pajjiż, qed jipprova jpitter lid-dimostranti bħala ‘gruppi ta’ vandali u delinkwenti’ li, fi kliemu, ‘qegħdin jippruvaw jogħbu lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump’.
Dan il-kumment partikulari anki qed jixhed l-inkwiet tar-reġim immexxi minn Khamenei wara li Donald Trump hedded sensiela ta’ attakki bla heda fuq l-Iran, f’sitwazzjoni fejn il-qawwiet tal-Gvern Iżlamiku joqtlu lid-dimostranti f’Tehran u bnadi oħra tal-Istat fundamentalista.
Fl-istess ħin, il-poplu Iranjan qed jidher dejjem aktar determinat li jsemma leħnu kontra r-reġim fil-pubbliku…Sitwazzjoni fejn dejjem aktar nies qegħdin jitkellmu kontra r-reġim fil-pubbliku u mingħajr l-ebda biża.
Hu minnu wkoll li r-reġim ta’ Khamenei, f’attentat ieħor biex itaffi din ir-rewwixta, qed jimponi blackout fuq l-Internet — effettiv għall-pajjiż kollu….Sitwazzjoni li, minħabba fiha, l-Iranjani li jgħixu barra pajjiżhom ma jistgħux jikkuntattjaw lil qrabathom.
Fl-istess ħin, l-aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali — fosthom Sky u BBC – huma projbiti milli jirrappurtaw mill-Iran. U f’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed kważi bilfors irid jiddependi fuq il-media soċjali biex ikun jaf eżatt x’inhu għaddej bħalissa fl-Istat Iżlamiku.
Għaddejjin ukoll il-protesti kontra r-reġim fil-belt ta’ Zahedan, fil-provinċja ta’ Sistan-Baluchestan u fejn in-nies instemgħu jgħajjtu ‘Mewt lid-Dittatur’, b’referenza għal Khamenei.
Hu wkoll sinifikanti li d-dimostranti f’Tehran u bliet oħrajn tal-Iran qed isejħu għar-ritorn ta’ Reza Pahlavi; l-iben tal-eks-Shah tal-Iran li kien tkeċċa minn pajjiżu fost ir-Rivoluzzjoni Storika tas-sebgħinijiet immexxi mill-Ayatollah Ruhollah Khomeini.
Fil-fatt, Pahlavi qed iħeġġeġ biex l-Iranjani ma jieqfux bil-protesti tagħhom – u bil-poplu qed iżid l-għajjat għar-ritorn tal-monarkija fl-Iran.
L-Iranjani, fl-istess ħin, qed jgħidu li l-espressjonijiet kontinwi ta’ appoġġ għall-monarkija huma sinjal ta’ disprament fost il-poplu li jrid jeħles mir-reġim ta’ Khamenei u meta, fil-preżent, ma jeżistux daqstant alternattivi.
//= $special ?>

