Il-Qorti ddeċidiet li tiċħad rikors ippreżentat quddiemha wara li kkonkludiet li eks uffiċjal tal-ħabs naqas milli jeżawrixxi r-rimedji ordinarji li jipprovdi l-liġi. Dan ħareġ f’kawża, preseduta mill-Imħallef Giovanni M. Grixti, fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn Emanuel Cassar kontra l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, u l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Dawn sostnew li Cassar kellu rimedju effettiv u speċifiku permezz tal-imsemmi artikolu 469A, li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ċivili biex jiddikjaraw att amministrattiv null, invalidu jew mingħajr effett, b’mod partikolari meta jkun hemm ksur tal-Kostituzzjoni jew nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji tal-ġustizzja naturali jew ta’ rekwiżiti proċedurali mandatorji.
F’dan il-każ, Cassar kien allega li l-Bord tad-Dixxiplina ma kienx imparzjali peress li kien kompost minn persuni ta’ fiduċja tal-Gvern, li d-Direttur tal-Ħabs kien preżenti għas-seduti u li wkoll kien preżenti l-uffiċjal li akkużah.
Madankollu, il-Qorti osservat li ammetta hu stess li qatt ma għamel użu minn ebda forma ta’ appell jew rikors ordinarju kontra d-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina. Dan in-nuqqas kiseb importanza akbar meta ttieħed kont tas-subartikolu (3) tal-artikolu 469A, li jistipula li kawża biex jitwaqqa’ att amministrattiv trid titressaq fi żmien sitt xhur minn meta l-persuna interessata ssir taf, jew setgħet saret taf, bl-att inkwistjoni.
Il-Qorti nnutat li d-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina ngħatat f’Marzu tal-2019 u li t-tkeċċija effettiva ġiet approvata ftit jiem wara, filwaqt li r-rikors quddiem il-Qorti ġie ppreżentat biss f’Lulju tal-2021, jiġifieri aktar minn sentejn u nofs wara, meta Cassar kien diġà tilef il-jedd li jagħmel użu minn dan ir-rimedju ordinarju.
Fil-fehma tagħha, il-Qorti għamlet referenza wkoll għal ġurisprudenza stabbilita, fosthom sentenza tal-11 ta’ Novembru 2022 fil-każ Wasim Rakib vs l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali, fejn ġie ribadit li persuna ma tistax titlob rimedju kostituzzjonali meta tkun għażlet li ma tużax ir-rimedji ordinarji mogħtija mil-liġi.
Il-Qorti enfasizzat li r-rikorsi kostituzzjonali huma ta’ natura straordinarja u li, fejn is-sistema legali tipprovdi mezzi ordinarji u effettivi ta’ ridress, dawn għandhom jintużaw qabel ma wieħed jinvoka ksur ta’ drittijiet fundamentali.
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-eks uffiċjal tal-ħabs kellu rimedji oħra effettivi għad-dispożizzjoni tiegħu u li qed jipprova juża din il-proċedura wara li ddekada mill-jedd tiegħu li jitlob reviżjoni permezz tar-rimedji ordinarji.
Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet l-eċċezzjoni mqajma minn kull intimat dwar in-nuqqas ta’ eżawriment tar-rimedji ordinarji u ċaħdet it-talbiet ta’ Cassar. L-eks uffiċjal tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien fetaħ rikors kostituzzjonali quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), fejn qed jallega li t-tkeċċija tiegħu mis-Servizz Pubbliku fl-2019 saret bi ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.
Cassar, li kien ilu jaħdem fil-ħabs sa mill-1996, tkeċċa wara proċeduri dixxiplinari li nstemgħu quddiem bord intern u li ġew ikkonfermati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li mbagħad irrakkomandat lill-Prim Ministru biex iseħħ it-tmiem tal-impjieg tiegħu. B’riżultat ta’ din id-deċiżjoni, huwa ma ngħatax il-pensjoni tas-servizz, peress li t-tkeċċija kienet seħħet wara proċeduri dixxiplinari.
Fir-rikors tiegħu, Cassar sostna li l-proċedura kienet waħda inġusta u sproporzjonata, u li l-kompożizzjoni tal-bord tad-dixxiplina ma offrietx il-garanziji meħtieġa ta’ imparzjalità u indipendenza. Huwa allega li membri tal-bord kienu uffiċjali tal-istess aġenzija mmexxija mill-persuna li tat bidu għall-proċeduri kontrih, u li dan wassal għal vjolazzjoni tal-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Min-naħa tagħhom, ir-risposti tal-istituzzjonijiet qed jikkontestaw kemm l-ammissibbiltà tar-rikors kif ukoll il-mertu tiegħu. Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u l-Ministru għall-Intern qed isostnu li Cassar kellu rimedju ordinarju u effettiv permezz ta’ azzjoni għal stħarriġ ġudizzjarju, li ma użax fiż-żmien stipulat mil-liġi.
Ingħad ukoll li l-proċeduri dixxiplinari għandhom jitqiesu fit-totalità tagħhom, u li l-Kummissjoni kienet aġixxiet b’mod indipendenti u imparzjali meta semgħet liż-żewġ naħat qabel ma waslet għar-rakkomandazzjoni tagħha.
L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, min-naħa tagħha, insistiet li l-bord tad-dixxiplina kien maħtur skont il-liġi u li Cassar kellu diversi okkażjonijiet biex jiddefendi ruħu, inkluż quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Ġie argumentat ukoll li l-proċeduri kostituzzjonali ma jistgħux jintużaw bħala mezz ta’ appell minn deċiżjonijiet amministrattivi jew dixxiplinari, u li mhux kull allegat żball jew interpretazzjoni ħażina tal-fatti jwassal awtomatikament għal ksur ta’ dritt fundamentali.
Il-Qorti semgħet xhieda estensiva minn uffiċjali kurrenti u preċedenti tal-ħabs, kif ukoll rappreżentanti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, u eżaminat dokumentazzjoni relatata mal-proċeduri dixxiplinari, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tal-bord u d-deċiżjoni finali li wasslet għat-tkeċċija.
//= $special ?>

