Lokali Qorti

Miċħud rikors kostituzzjonali dwar allegat ksur ta’ smigħ xieraq fil-konfront taI-“Koħħu”

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali, preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, ċaħdet rikors imressaq minn Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” li permezz tiegħu kien qed jallega ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq b’rabta ma’ sentenza parzjali mogħtija mill-Qorti tal-Appell Kriminali fis-7 ta’ Awwissu 2024.

Dan b’rabta ma’ każ fejn Vince Muscat kien ikkundannat sebgħa xhur ħabs wara li nstab ħati li gidem priġunier ieħor. Muscat qed jiskonta piena ta’ 15-il sena ħabs b’rabta mal-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-inċident li fih gidem lil Keith Desmond Falzon seħħ fis-16 ta’ Novembru 2021 għall-ħabta tal-11am. Iż-żewġ priġunieri kienu tressqu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia b’rabta ma’ dan l-inċident. Filmat li kien esebit fil-Qorti juri liż-żewġ priġunieri jissaraw flimkien qabel tferrqu mill-gwardjani.

Tabib tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien xehed li ra gidma fuq il-vittma imma qal li ma kienx hemm bżonn punti. Il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati u kkundannatu għal seba’ xhur priġunerija. Minn din is-sentenza Muscat appella, u waqt l-appell il-Qorti tal-Appell Kriminali sabet li kien hemm nuqqas ta’ formalità sostanzjali fis-sentenza tal-ewwel Qorti, b’konsegwenza li annullatha u ddeċidiet li tisma’ hi stess il-kawża mill-ġdid fuq il-mertu.

Wieħed mill-punti ċentrali tal-ilment ta’ Muscat kien relatat ma’ filmat li kien ġie esebit minn xhud, Clint Zahra, waqt proċeduri relatati iżda li skont Muscat ma kienx formalment parti mill-atti fil-kawża tiegħu. Minkejja dan, il-Qorti tal-Appell Kriminali ordnat li l-filmat jiġi esebit materjalment fl-atti tal-kawża tiegħu sabiex tkun tista’ tqis il-mertu b’mod sħiħ.

Muscat sostna li dan l-ordni kien jammonta għal introduzzjoni ta’ prova ġdida fl-istadju tal-appell, bi ksur tal-prinċipji ta’ smigħ xieraq, equality of arms u r-regoli proċedurali kriminali. Fir-rikors kostituzzjonali tiegħu, Muscat talab li s-sentenza parzjali tal-Qorti tal-Appell Kriminali tiġi revokata u li jiġi dikjarat li l-użu tal-filmat kien illegali u leżiv għad-drittijiet fundamentali tiegħu kif protetti mill-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

L-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat oġġezzjonaw għar-rikors, kemm fuq bażi preliminari kif ukoll fuq il-mertu, billi sostnew fost l-oħrajn li l-proċeduri kriminali kienu għadhom pendenti, li r-rikorrent ma kienx eżawrixxa r-rimedji ordinarji tiegħu, u li l-filmat kien diġà ġie esebit u muri lill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Il-Qorti, wara li analizzat fid-dettall il-proċeduri u l-ġurisprudenza rilevanti, ċaħdet l-eċċezzjonijiet preliminari dwar il-leġittimazzjoni tal-Avukat Ġenerali, iżda qablet li l-ilmenti ta’ Muscat kienu prematuri u li l-proċess kriminali kellu jiġi eżaminat fit-totalità tiegħu qabel ma setgħet tinstab leżjoni tad-dritt għal smigħ xieraq.

Il-Qorti enfasizzat li l-ġurisdizzjoni kostituzzjonali m’għandhiex tintuża bħala appell ta’ grad ieħor minn deċiżjonijiet tal-qrati kriminali, u li l-fatt li parti ma taqbilx ma’ deċiżjoni ġudizzjarja ma jfissirx awtomatikament li jkun seħħ ksur ta’ dritt fundamentali.

Għaldaqstant, il-Prim’Awla ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tintervjeni f’dan l-istadju, u ċaħdet it-talbiet kollha tar-rikorrent, bil-konsegwenza li r-rikors kostituzzjonali ġie miċħud bl-ispejjeż kontra Vincent Muscat.