Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, tat sentenza finali f’kawża bejn il-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise) u l-eks impjegat tagħha Jerome Spiteri, li kienet tikkonċerna allegat ħlas żejjed ta’ €33,333.28 u kontrotalba ta’ aktar minn €110,000 f’allowances u bonuses.
Malta Enterprise kienet ressqet kawża biex tirkupra s-somma ta’ €33,333.28, li allegat li Spiteri rċieva indebitament wara li, mill-12 ta’ April 2021, ġie seconded mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bħala Konslu Ġenerali, filwaqt li baqa’ jirċievi wkoll ħlasijiet mingħand il-Korporazzjoni.
Min-naħa tiegħu, Spiteri ressaq talba rikonvenzjonali fejn sostna li Malta Enterprise għadha dovuta lilu somom sostanzjali f’post adjustment allowance, performance bonuses, qualification allowance u outfit allowance, u talab li jsir set-off bejn l-ammonti.
Il-Qorti eżaminat fid-dettall il-kuntratti, il-payslips, ix-xhieda u l-korrispondenza bejn il-partijiet, u ddeċidiet preliminarjament li l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni mqajma minn Malta Enterprise ma setgħetx tirnexxi. Dan għaliex il-Korporazzjoni naqset milli tosserva l-formola stretta tal-ġurament meħtieġa mil-liġi biex tinvoka l-preskrizzjoni, u minn ċerta xhieda rriżulta wkoll li kienet, fil-fatt, lesta tħallas xi wħud mill-ammonti jekk jiġu ppreżentati d-dokumenti meħtieġa.
Dwar il-mertu, il-Qorti qieset it-talba ta’ Spiteri għall-post adjustment allowance għall-perjodu bejn l-2015 u l-2021, iżda kkonkludiet li għal dan il-perjodu huwa kien diġà qed jirċievi l-ammonti dovuti skont il-kuntratt tiegħu ma’ Malta Enterprise.
Il-Qorti enfasizzat li kwalunkwe arranġament ta’ rifużjoni bejn il-Ministeru u Malta Enterprise ma kienx jinvolvi lil Spiteri direttament u ma setax joħloq drittijiet addizzjonali favurih. Għaldaqstant, it-talba għal somom addizzjonali ta’ post adjustment allowance ġiet miċħuda.
Fir-rigward tal-performance bonus u allowances oħra, il-Qorti rrikonoxxiet li dawn kienu soġġetti għal proċeduri speċifiċi u għal sottomissjoni ta’ dokumentazzjoni, u li l-provi mressqa ma kinux biżżejjed biex jiġi stabbilit li kienu dovuti fis-somom mitluba quddiem din il-Qorti. Il-Qorti nnotat ukoll li kwalunkwe allegazzjoni ta’ trattament diskriminatorju taqa’ taħt il-kompetenza tat-Tribunal Industrijali u mhux tagħha.
Fl-aħħar nett, il-Qorti ma laqgħet la t-talba ta’ Malta Enterprise biex tirkupra s-€33,333.28 u lanqas il-kontrotalba ta’ Jerome Spiteri għas-somom sostanzjali li kien qed jippretendi. B’hekk, kull parti baqgħet iġġorr ir-responsabbiltà tagħha skont il-kuntratti u l-obbligi kif interpretati mill-Qorti f’din is-sentenza.
//= $special ?>

