Floyd Caruana, ta’ 28 sena, ġie mmultat €1,800 wara li l-Qorti sabitu ħati li saq taħt l-effett tax-xorb f’inċident li seħħ fl-2024 fi Triq Għar Dalam, Ħal Għaxaq. Madankollu, il-Qorti ma sabitux ħati li kien fis-sakra f’post pubbliku u lanqas li rrifjuta illegalment li jagħmel it-test tan-nifs.
Caruana kien mixli li saq fis-sakra b’mod li ma setax jieħu ħsieb tiegħu nnifsu, li ma kellux kontroll sħiħ tal-vettura u li naqas milli jagħmel it-test tan-nifs meta ntalab mill-Pulizija. Il-Qorti semgħet kif l-uffiċjali kienu qed iwettqu spezzjoni tat-traffiku meta waqqfu l-karozza tal-akkużat minħabba l-imġiba tiegħu u r-riħa ta’ xorb li kellu. Meta ntalab jagħmel it-test tan-nifs, huwa rrifjuta.
Id-difiża argumentat li l-akkużat ma ġiex mgħarraf li r-rifjut li jagħmel it-test tan-nifs jikkostitwixxi reat kriminali. Il-Qorti osservat li mix-xhieda tal-pulizija jirriżulta li Caruana kien konxju mid-drittijiet tiegħu u li ngħata l-opportunità li jeżerċitahom, inkluż id-dritt li jikkonsulta ma’ avukat, li fil-fatt għamel.
Madankollu, il-Maġistrat Jean Paul Grech innota li fir-rigward tat-test tan-nifs, il-pulizija sempliċiment informawh bil-proċedura, mingħajr ma spjegawlu b’mod ċar x’kienu l-konsegwenzi legali jekk jirrifjuta. Il-Qorti saħqet li l-pulizija għandhom obbligu li jkunu ċari u preċiżi meta jinfurmaw lis-sewwieqa dwar x’jiġri jekk wieħed jirrifjuta li jagħmel it-test tan-nifs.
Minħabba dan in-nuqqas, il-Qorti illiberatu mill-akkuża li naqas milli jagħmel it-test tan-nifs. Barra minn hekk, wara li evalwat ix-xhieda kollha, il-Qorti qalet li ma jirriżultax li l-akkużat kien fi stat akut ta’ sokor, u għalhekk ma sabitux ħati li kien fis-sakra f’post pubbliku.
Madankollu, il-Maġistrat Grech innota li mill-provi mressqa kien ċar li meta Caruana twaqqaf kellu riħa qawwija ta’ xorb u, għalhekk, kien qed isuq taħt l-effett tax-xorb u mingħajr kontroll sħiħ tal-vettura tiegħu. Għaldaqstant, waqt li nħeles minn uħud mill-akkużi, il-Qorti sabitu ħati li saq taħt l-effett tax-xorb u imponietlu multa ta’ €1,800, kif ukoll skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan għal perijodu ta’ sitt xhur.
//= $special ?>

