Lokali Qorti

Operatur ta’ stabbiliment illiberat minħabba żball fil-ħin u d-data tal-akkuża

Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet appell imressaq minn Renato Alessandro Farrugia u revokat sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet sabitu ħati ta’ ksur tar-regolamenti dwar l-operat ta’ stabbiliment f’Sliema, u kkundannatu għal multa ta’ €50. Id-deċiżjoni ngħatat Qorti preseduta mill-Imħallef Dr Edwina Grima.

Farrugia kien ġie mixli li, fit-13 ta’ Jannar 2025 għall-ħabta tal-11.20pm. fi Triq ix-Xatt, tas-Sliema, bħala operatur reġistrat tal-Black Bull Restaurant, ippermetta lil Suzana Josifou taġixxi bħala sostitut tiegħu mingħajr liċenzja valida mill-awtorità kompetenti.

Fl-appell tiegħu, Farrugia sostna li l-ewwel qorti żbaljat kemm fl-applikazzjoni tal-liġi kif ukoll fil-fatti. Huwa argumenta li ma kienx l-operatur tal-istabbiliment iżda d-detentur tal-liċenzja, filwaqt li l-operat kien f’idejn persuna oħra.

Huwa qajjem ukoll punt kruċjali dwar diskrepanza fil-parametri temporali tal-akkuża, billi ċ-ċitazzjoni kienet tindika li l-allegat ksur seħħ fit-13 ta’ Jannar 2025, meta l-provi kollha ppreżentati fil-kawża kienu juru li l-ispezzjoni tal-pulizija seħħet fil-fatt fit-12 ta’ Jannar 2025 fl-istess ħin indikat.

Il-Qorti tal-Appell tat importanza partikolari lil dan l-aħħar aggravju u fakkret fil-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza, fosthom li ċ-ċitazzjoni trid tinkludi b’mod korrett u ċar il-partikolaritajiet taż-żmien u tal-lok sabiex l-imputat ikun jista’ jħejji d-difiża tiegħu b’mod xieraq.

Il-Qorti osservat li meta jkun hemm kontrast sostanzjali bejn dak li jkun allegat fiċ-ċitazzjoni u dak li joħroġ mill-provi, u l-prosekuzzjoni tonqos milli titlob korrezzjoni fil-ħin, il-qorti ma tistax issib ħtija fuq fatti li ma jaqblux max-xilja kif ifformulata.

F’dan il-każ, il-Qorti nnutat li minkejja li l-iżball fid-data kien evidenti mill-provi u mill-affidavit tal-uffiċjal tal-pulizija li wettaq l-ispezzjoni, il-prosekuzzjoni ma għamlet l-ebda tentattiv biex tirranġa ċ-ċitazzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Konsegwentement, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li s-sentenza ta’ ħtija ma setgħetx tinżamm.

Għaldaqstant, il-Qorti laqgħet l-appell, revokat is-sentenza appellata u lliberat lil Renato Alessandro Farrugia minn kull ħtija u piena, u qieset li ma kienx hemm bżonn li tidħol fuq l-aggravju l-ieħor imqajjem fl-appell.