Opinjoni

Opinjoni: Insaħħu l-ħidma tagħna tul l-2026

Joe M. Zahra, President APAN

Bdejna sena ġdida. Sena li nittamaw tkun għalina l-anzjani aħjar mis-sena li għaddiet. Sena li fiha nibdew naraw xi wħud mill-problemi li nħabbtu wiċċna magħhom jiġi solvuti. Il-problemi mhumiex ftit u jidher li, flok jonqsu qed jiżdiedu.
Fost il-ħafna problemi hemm il-problema tal-għoli tal-ħajja li lill-anzjani qed tolqothom iktar minn persuni ta’ etajiet oħra. Hemm il-problema tal-banek li ma jistgħux jifhmu li t-tibdiliet li qed jagħmlu qed jolqtu b’mod negattiv lill-anzjani – fejn hemm 137,000 li għalqu 60 sena u 106,000 li għalqu l-65 sena. Il-banek jidher li qed jaħsbu biss kemm jaqilgħu iżda ftit li xejn jinteressahom l-aspett soċjali.
Problemi oħrajn jduru madwar in-nuqqas ta’ sodod fi djar tal-anzjani fejn il-Gvern naqqas mid-djar li kellu u fejn il-lista ta’ dawk li qed jistennew sodda llum tilħaq iktar minn 1,500.
Kieku l-aħjar soluzzjoni hi li l-anzjani jinżammu fi djarhom. Iżda biex dan iseħħ irid ikun hemm iktar għajnuniet ma’ dawk li twettqu fi żmien gvernijiet Nazzjonalisti. Irid li dawk is-servizzi li diġà qed jingħataw jitjiebu u mhux iseħħ il-kuntrarju. Wara kollox li l-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom hi “a win win solution”. Il-Gvern jaqbillu finanzjarjament għaliex jiġih orħos li l-anzjani jibqgħu jgħixu fi djarhom. U l-anzjani mhemmx dubju li darba jsibu l-kura u l-attenzjoni meħtieġa fi djarhom iħossuhom aħjar. Għaliex ikunu jistgħu jibqgħu jżommu l-mod kif dejjem għexu u l-ħbieb li jkollhom.
Problema li tkidd ħafna lill-anzjani hi s-solitudni. Għandna 20,000 anzjan jgħixu waħedhom. Għal dawn is-solitudni hi l-ikbar dwejjaq li jridu jgħixu fiha. Għandhom jinstabu l-mezzi biex dawn ikollhom min jarahom. Għandu jkun hemm iktar carers li jieħdu ħsiebhom għaliex hu magħruf li dawn huma neqsin. Għandu jkun hemm iktar night shelters biex dawn l-anzjani jqattgħu l-lejl fil-kumpanija u bla biża’.
Fuq kollox l-anzjani jippretendu li fl-isptarijiet jingħataw l-istess trattament daqs ħaddieħor u mhux f’ħafna każi jiġu ttrattati daqs ċittadini tat-tieni klassi!
Aħna tal-APAN matul din is-sena ser inkomplu nżidu mal-attivitajiet tagħna. Filwaqt li ser inkomplu niltaqgħu ma’ personalitajiet li magħhom naqsmu ħajjithom u l-problemi tagħna, filwaqt li ser inkomplu nżuru każini tal-Partit Nazzjonalista b’mod regolari fejn nagħtu informazzjoni u nisimgħu problemi tal-anzjani; filwaqt li ser inkomplu norganizzaw kull xahar żjarat kulturali; filwaqt li ser inkomplu ntellgħu minn fuq Net FM il-programm “Mill-anzjani għall-anzjani” u kull xahar ukoll il-Paġna APAN f’In-Nazzjon, se noħolqu fora fejn inkunu nistgħu niltaqgħu iktar magħkom l-anzjani nisimgħu l-problemi tagħkom u nippruvaw insolvuhom.
Il-ħidma tagħna fl-2026 ser tiżdied. Għall-ġid tal-anzjani kollha li nieħdu pjaċir narawhom jikkonkorru dejjem iżjed għall-attivitajiet li norganizzawlhom.
F’isem l-APAN nawguralkom is-sena t-tajba. Sena fejn flimkien naħdmu biex nagħtu lill-Partit Nazzjonalista rebħa fl-elezzjoni ġenerali, tiġi meta tiġi.

Ara kif il-Gvern jidħaq bik

Ġużi Camilleri
F’Novembru 2025 il-Gvern bagħat ċekkijiet lill-ħaddiema li kienu jaħdmu matul l-2023. Kull ċekk ivarja bejn €60 u €140 skont kemm wieħed jaqla’. It-total taċ-ċekkijiet kien stmat li jkun €28 miljun.
Din il-miżura kienet intenzjonata biex il-Gvern jagħti lura parti mit-taxxa żejda li jkun ħadlek tul is-sena. Din is-sena l-Gvern biddel il-propaganda u qal li dawn iċ-ċekkijiet huma għall-bżulija tal-ħaddiema. Dawn mhuma xejn ħlief flus li l-Gvern ħa żejda minn but il-ħaddiema tul l-2023. Hu mod kif il-Gvern jidħaq bik. Jeħodlok iżżejjed f’taxxa u wara taparsi jagħtik ftit milli jkun ħadlek u jippretendi li tgħidlu grazzi u tinżel għarkupptejk quddiemu. Gvern li jixtri l-ħaddiema b’ċekk ta’ €60 li jfissru sitt ċentreżmi kuljum. Lanqas nofs ħobża kuljum!
Iżda l-Gvern mhux biss b’dan il-mod jidħaq bil-ħaddiema. Isimgħu din u aqraw sewwa.

Il-prezz tal-petrol u d-diesel
Fl-2018 il-prezz tal-petrol u diesel f’Malta żdied b’ħames ċenteżmi kull litru – €1.36 għall-petrol, u €1.23 għad-diesel. Dan il-prezz qatt ma nbidel mill-2018. Skont il-Gvern dan ġara għaliex il-prezz taż-żejt mhux maħdum kien qabeż id-$69 kull barmil żejt mhux maħdum. Mela fl-2018 il-prezz varja minn xahar għall-ieħor bejn id-69 u s-70 dollaru Amerikan kull barmil. Dan il-prezz tela’ anke għal bejn 71 u 76 dollaru kull barmil. Anke wasal sa $80. Allura l-Gvern għadda l-għoli tal-petrol u d-diesel fuq il-konsumatur. Il-prezz ta’ kull barmil żejt niżel għal bejn is-57 u l-61 dollaru. Iżda l-prezz għall-konsumatur Malti ma raħasx. Baqa’ l-istess bħal meta kien jinxtara 80 dollaru il-barmil. Sa lejlet il-Milied tas-sena 2025 iż-żejt mhux maħdum kien qed jinbiegħ bejn 57 u 61 dollaru l-barmil. Dan il-prezz kien l-inqas tul l-aħħar snin. Mela bil-prezz ta’ bejn 57 u 61 dollaru l-barmil il-poplu xorta qed iħallas daqskemm meta l-prezz kien €80-il barmil. Esperti qed jistmaw li l-prezz se jinżel iktar.
Malta u Għawdex m’għandhomx raffineriji taż-żejt. Għalhekk il-petrol u d-diesel jiġi kollu impurtat maħdum. Fl-2018 il-Gvern żied il-prezz tal-petrol u d-diesel. Ir-raġuni? Għaliex iż-żejt għola fil-kamp internazzjonali. Issa fl-aħħar żmien il-prezz naqas ħafna u ħafna. Iżda l-prezz għall-konsumatur Malti u Għawdxi baqa’ l-istess.

Ir-rata tal-kambju
Barra minn hekk ir-rata tal-kambju tad-dollaru Amerikan mal-ewro nbidlet. Iż-żejt jitħallas bid-dollaru. Dan ifisser li l-Gvern qed jonfoq miljuni ta’ ewro inqas li jfisser li qed jagħmel qligħ minn fuq il-konsumatur,
Il-Gvern jiftaħar li qed jagħti l-loqom lin-nies f’forma ta’ ċekkijiet. L-ammont li qassam kien ferm u ferm inqas minn dak li daħħal. Il-Gvern mit-taxxi qed idaħħal mijiet ta’ miljuni. Gvern sinjur… poplu batut!
Maltin u Għawdxin ifhmu x’qed jiġri! Fl-2018 il-prezz taż-żejt għola u l-Gvern għolla l-prezz tal-petrol u d-diesel b’ħames ċenteżmu l-litru. Issa llum il-prezz internazzjonali hu l-inqas li kellna fl-aħħar snin. Bl-esperti jgħidu li se jinżel iktar.
Aktar! Id-Dollaru Amerikan, il-munita li biha jinxtara ż-żejt, iddgħajfet fil-konfront tal-ewro. Bid-dollaru dgħajjef il-Gvern jixtri iż-żejt bi prezz orħos. Iżda l-prezz tal-petrol u d-diesel mill-pompi ma naqasx. Baqa’ għoli.

Miljuni ta’ ewro għall-Gvern
Din id-differenza bejn il-prezz taż-żejt mhux maħdum u r-rata tal-kambju favorevoli jfissru miljuni kbar ta’ ewro għall-Gvern. Somma ta’ bejn 50 u 75 miljun fis-sena li flok għand il-konsumatur imorru għand il-Gvern.
Mela meta l-Gvern jiftaħar kemm ta u kemm għandu flus ftakru li:
• Iż-żejt hu llum irħas milli kien fl-2018;
• Ir-rata tal-kambju kabbar id-dħul tal-Gvern;
• Il-Gvern qed idaħħal miljuni ta’ ewros iktar;
• Malta mhix bħal pajjiżi Ewropej oħra fejn bil-prezz taż-żejt ivarja skont il-prezz fis-suq qed igawdi l-konsumatur.
Iktar ma jorħos il-prezz taż-żejt mhux maħdum iktar il-Gvern idaħħal miljuni kbar mill-bejgħ tal-petrol u d-diesel. Imbagħad meta jaqbillu, jew qabel xi elezzjoni, jibgħatlek ċekk bi flus li jkun ħadlek ferm iżjed tul is-snin.
Veru l-każ ta’ Gvern li jidħaq bik u minn fuq jippretendi li tgħidlu grazzi!

Christmas Breakfast fl-ewwel 100 jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-PN

F’għeluq l-ewwel 100 jum ta’ Alex Borg bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-APAN organizzat Christmas Breakfast fl-Alexandra Hotel, San Ġiljan. Attività li għaliha attendew numru sabiħ ta’ anzjani. L-attività kienet tinkludi wkoll tombla.
Fi tmiem l-attività l-President tal-APAN Joseph Zahra rringrazzja lill-anzjani kollha li jappoġġjaw l-attivitajiet organizzati bil-preżenza tagħhom. Irringrazzja wkoll lil kull min jaħdem biex dawn l-attivitajiet ikunu suċċess filwaqt li tenna li s-sena d-dieħla l-attivitajiet mill-APAN se jkomplu jiżdiedu biex nilħqu iktar anzjani.
Hu awgura wkoll lill-anzjani kollha Milied mill-isbaħ u sena ġdida aħjar minn ta’ qabilha.

Nhar l-Erbgħa, 31 ta’ Diċembru, ixxandar fuq NET FM l-aħħar programm għall-2025 “Mill-anzjani għall-anzjani”. Il-kelliem ewlieni kien il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione. Fil-programm tkellimna dwar l-aħħar sena fil-Partit Nazzjonalista u r-riżultati li ksibna kif ukoll x’qed nistennew tul is-sena li ġejja. Il-programm tmexxa minn Joe Mikallef.