Opinjoni

Opinjoni: Tgħid il-Gvern se jerġa’ jissorprendina?

F’Novembru tal-2024 il-finanzi tal-Gvern kienu €474.3 miljun minn taħt. F’Diċembru mbagħad kienu €433 miljun minn taħt. Żbilanċ li kien jitla’ għal iktar minn €1,000 miljun li kieku l-Gvern f’Diċembru ma ġabarx €617-il miljun iktar mix-xahar ta’ qabel mill-income tax. €617-il miljun iktar li jagħmlu 64.5 fil-mija taż-żieda kollha fid-dħul minn din it-taxxa. Is-sena ta’ qabel, fl-2023, fl-istess xahar il-Gvern ġabar mill-income tax €248 miljun iktar mix-xahar ta’ qabel, jew 11.2 fil-mija iktar. Jidher li ż-żieda qawwija mid-dħul tal-income tax f’Diċembru kellha effett fuq id-dħul tul din is-sena tant li d-dħul mill-income tax sa Novembru kien ta’ biss €42 miljun iktar. Irridu naraw x’se jiġri f’Diċembru. Jekk il-Gvern hux se jiskopri xi dħul qawwi minn din it-taxxa fl-aħħar xahar tas-sena biex hekk l-iżbilanċ ma jkomplix jisplodi u jiġbed fuq pajjiżna mhux biss twissijiet iżda azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

Joe M. Zahra

Naħseb li tgħidu kif dan xahar wara xahar jikteb fuq il-finanzi tal-Gvern. Dan għaliex għal xahar wara xahar tul din is-sena l-Gvern kellu żbilanċ fil-kontijiet tiegħu. Nefaq iktar milli daħħal u minkejja li ssellef fuq li ssellef l-iżbilanċ baqa’ jikber. Meta nqabblu Novembru tas-sena li għaddiet ma’ Novembru tal-2024 insibu li l-Gvern żied id-dejn b’€999 miljun. Fl-istess perijodu s-sena ta’ qabel iż-żieda fid-dejn kienet ta’ €784 miljun, jew €215-il mijun inqas.
Darba nitkellmu dwar id-dejn irridu nżidu l-imgħaxijiet għaliex dawn jitħallsu kuljum u dak li jitħallas fuqhom jonqos minn infiq fuq setturi oħrajn. Fosthom is-servizzi soċjali.
L-imgħaxijiet fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena li għaddiet żdiedu b’€29 miljun għal €264 miljun. Jekk nieħdu l-aħħar sentejn, minn Novembru 2023 għal Novembru tal-2025, iż-żieda kienet ta’ €71.3 miljun jew 37 fil-mija.
Jekk il-Gvern ma jdaħħalx aktar flus mit-taxxi allura jrid jew inaqqas l-infiq jew jissellef iktar. S’issa dejjem għażel it-triq tal-aħħar – it-triq il-faċli li jissellef iktar għaliex skont hu, u skont il-pampaluni Laburisti llum ma jimpurtax li nissellfu. Dak kien jimporta taħt gvernijiet Nazzjonalisti meta d-dejn ta’ 60 sena kien terz ta’ dak li ser ikun ġie akkumulat sa sentejn oħra taħt Gvern Laburista.
Kos kif tinbidel in-narrativa Laburista! Joseph Muscat ried jaqta’ mid-dejn tant li kien tenna li kien qed iħallas lura d-dejn li sab. Robert Abela għażel li jiddejjen fuq li jiddejjen basta ma jaqbiżx is-60 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross. Bħal dak li qallu meta l-poplu Malti jiġi li jħallas lura l-eluf ta’ miljuni li dan il-Gvern qed jissellef se jħallas lura bil-persentaġġi!

It-twissija tal-Unjoni Ewropea u tal-KKF
Barra t-twissija tar-raġuni li iktar ma tagħmel dejn li ma jirrendix iktar tkun qed isammar imsiemer fit-tebut tal-finanzi tal-Gvern, hemm it-twissija tal-Kummissjoni Ewropea li lill-Gvern qed tgħidlu biex din is-sena jnaqqas mill-infiq jekk irid joħroġ mill-proċedura tad-deficit eċċessiv. Twissija li nemmen li meta tara kif il-Gvern baqa’ jonfoq u jisparpalja l-miljuni, kif baqa’ jwiegħed proġetti li anqas biss jidhru fil-baġit ta’ din is-sena, ftit qed jagħti każ tagħha. L-importanti għall-Gvern hu li jonfoq bl-addoċċ basta jibqa’ mwaħħal mas-siġġu tal-poter. Imbagħad jirranġa l-affarijiet min jiġi warajh. Kif dejjem ġara wara kull amministrazzjoni Laburista!
Issa l-Gvern għandu wkoll twissija oħra. Din id-darba mill-Kunsill Konsultattiv Fiskali (KKF), korp governattiv indipendenti li esprima tħassib dwar il-fatt li pajjiżna fl-2024 eċċeda b’mod sinifikanti l-impenji tiegħu ta’ infiq skont regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li l-Gvern kien ippjana li ma jkunx hemm żieda netta fl-infiq fl-2025, projezzjonijiet urew żieda ta’ 5.8 fil-mija fin-nefqa, nefqa tal-Gvern ogħla minn dak irrakkomandat mill-Unjoni Ewropea.

Analiżi tal-finanzi tal-Gvern
Jekk nanalizzaw il-finanzi tal-Gvern fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra nsibu li dan daħħal biss €316-il miljun iktar – 4.6 fil-mija. Iżda nefaq €688 miljun iżjed – 9.9 fil-mija, jew iżjed mid-doppju!
Fuqiex nefaq iktar. Fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra nefaq €106 miljun iktar f’pagi u salarji biex in-nefqa fuq dawn telgħet għal €1,292 miljun. Nefaq €29 miljun iktar f’interessi. Nefaq €147 iktar f’kontribuzzjonijiet lejn entitajiet governattivi. Dan wassal biex fi ħdax-il xahar in-nefqa tal-Gvern żdiedet b’€688 miljun (+9.9%) għal €7,617 miljun.

Infiq kapitali
Spiss jissemma l-infiq kapitali. Li dan mhux suffiċjenti biex inlaħħqu mal-problema tal-popolazzjoni li żdiedet. Kemm ilu hemm il-Partit Laburista fil-Gvern, jiġifieri bejn l-2013 u Novembru 2025, in-nefqa kapitali tal-Gvern kienet ta’ €8,725 miljun – medja ta’ €671 miljun fis-sena – bl-ikbar nefqa fl-2024 (€1,141 miljun) u bl-inqas nefqa fl-2016 (€310 miljun).
Hawnhekk tajjeb ngħidu li fl-ewwel seba’ snin ta’ gvern Laburista n-nefqa kapitali kienet ta’ €3,231 miljun – medja ta’ €462 miljun fis-sena. Dak kien żmien li l-Gvern Laburista, minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni, kien għadu jgawdi bis-sħiħ mill-infrastruttura li ħallewlu gvernijiet Nazzjonalisti.
Iżda wara l-2019 il-piż beda jinħass. Is-sistema tal-elettriku ma baqgħetx adegwata. Kif ma baqgħux adegwati servizzi oħrajn. Hekk fl-2020 in-nefqa kapitali telgħet għal €1,037 miljun, it-tieni l-iktar għolja wara dik tal-2024.
X’qed jistima li ser jonfoq il-Gvern bejn l-2026 u l-2028. Għas-sena li għaddiet skont l-estimi rivedut, in-nefqa kapitali ser tkun €1,228 miljun. Fl-2026 ser tinżel għal €1,124 miljun; fl-2027 titla’ għal €1,238 miljun u terġa’ tinżel għal €1,212 miljun fl-2028.
Li jfisser li m’hemm l-ebda ħsieb li n-nefqa kapitali tiżdied. Lanqas biex tagħmel tajjeb għaż-żieda fl-inflazzjoni, u allura addio għal ħafna proġetti li jsemmi l-Prim Ministru Robert Abela.
Niftakar qisu lbieraħ lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil jgħid li dan il-Gvern kien ser jdaħħalna dritt ġo ħajt. Nemmen li kien profetiku għaliex jekk il-finanzi ta’ pajjiżna jibqgħu jitmexxew kif inhuma llum:
▪ jekk in-nefqa se tkompli tiżdied b’aktar minn ħamsa fil-mija fis-sena,
▪ jekk id-dejn ser ikompli jikber b’€1,000 miljun fis-sena,
▪ jekk se nkomplu nħallsu iktar imgħaxijiet fuq l-istess dejn, allura mhux ’il bogħod li nidħlu dritt ġo ħajt. Li mbagħad ma jkunx faċli li ninqalgħu minnu.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 9 ta’ Jannar, 2026.