Organizzazzjonijiet ta’ solidarjetà mal-Palestina ngħaqdu ma’ organizzazzjoni li tirrappreżenta nies li jaħdmu fis-settur tal-arti u d-divertiment biex iniedu l-kampanja “Malta: L-Ebda Mużika għall-Ġenoċidju”, li qed issejjaħ lill-Gvern Malti u lis-Servizzi ta’ Xandir Pubbliku (PBS) biex jirtiraw il-parteċipazzjoni ta’ Malta mill-Eurovision Song Contest 2026. Din is-sejħa ssegwi d-deċiżjoni tal-Unjoni tax-Xandara Ewropej (EBU) li ppermettiet lill-Iżrael jikkompeti, minkejja l-ġenoċidju kontinwu tiegħu kontra l-poplu Palestinjan.
L-avvenimenti kulturali huma politċi min-natura tagħhom stess, kif rajna meta r-Russja ġiet imblukkata milli tikkompeti fil-Eurovision wara l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna. Għall-kuntrarju, matul il-ġenoċidju kontinwu tiegħu f’Gaża, l-Iżrael allokka baġit rekord għall-parteċipazzjoni fil-Eurovision, u b’hekk uża l-kompetizzjoni bħala strument politiku.
Matul is-sentejn li għaddew, id-dinja rat kampanja ta’ sterminju f’Gaża, b’aktar minn 70,000 Palestinjan maqtula, inkluż il-miri diretti fuq tfal, ġurnalisti, u ħaddiema tas-saħħa. Il-Palestinjani madwar Gaża u x-Xatt tal-Punent għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ tkeċċija minn djarhom, apartheid, u vjolenza sistematika mill-armata u l-insedjamenti (settlers) Iżraeljani. L-aggressjoni tal-Iżrael testendi wkoll lil hinn mill-Palestina, b’attakki kontinwi u okkupazzjonijiet illegali fil-Libanu u fis-Sirja.
Li tippermetti lill-Iżrael jieħu sehem bħala parteċipant “normali” f’avveniment kulturali globali jaħbi dawn ir-realtajiet, u jkompli jwassal il-messaġġ li l-Iżrael jista’ jkompli jaġixxi mingħajr konsegwenzi.
Madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, artisti, attivisti, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ngħaqdu biex jikkundannaw il-parteċipazzjoni tal’ Iżrael fil-Eurovision. Filwaqt li jiġi ppreżentat bħala ċelebrazzjoni ta’ unità u diversiità, il-Eurovision fil-fatt qed jipprovdi pjattaforma biex istituzzjonijiet jaħbu l-vjolenza massiva tagħhom kontra massa ta’ nies ċivili.
Malta għarfet formalment l-Istat tal-Palestina u ttenni l-impenn tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali. Dawn il-prinċipji għandhom issa jissarfu f’azzjoni konkreta.
Nistiednu lill-Gvern Malti u lill-PBS biex jingħaqdu ma’ Spanja, l-Irlanda, is-Slovenia, l-Olanda, u l-Iżlanda, u jirtiraw il-parteċipazzjoni ta’ Malta mill-Eurovision Song Contest 2026 sakemm l-Iżrael ikollu permess li jikkompeti.
Nistiednu wkoll lill-artisti, professjonisti kreattivi, organizzazzjonijiet kulturali, u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jappoġġjaw din il-kampanja.
Malta għandha għażla ċara: jew tipparteċipa fin-normalizzazzjoni tal-ġenoċidju, jew turi solidarjetà mal-poplu Palestinjan fil-ġlieda tiegħu għall-ħelsien, id-dinjità, u l-awtodeterminazzjoni.
Il-kampanja “Malta: L-Ebda Mużika għall-Ġenoċidju” se tħabbar l-ewwel azzjonijiet tagħha fil-ġranet li ġejjin.
//= $special ?>

