Lokali

Sena ġdida, żidiet ġodda fit-taxxi mil-Labour – PN

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq il-bidu ta’ sena ġdida reġa’ ġab miegħu l-introduzzjoni ta’ miżati u taxxi ġodda, din id-darba fis-settur tas-servizzi finanzjarji – fatt li għal darb oħra juri kif l-istqarrijiet tal-Gvern Laburista dwar “l-ebda taxxa ġdida” huma biss retorika vojta.

F’nofs il-festi tal-Milied ta’ wara l-Budget 2025, il-Gvern Laburista kien daħħal sensiela ta’ avviżi legali li żiedu l-miżati tal-applikazzjonijiet u tas-superviżjoni għall-banek, dawk li jipprovdu servizzi ta’ investiment, il-kumpaniji u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni, it-trustees, dawk li jipprovdu skemi tal-pensjonijiet u crypto operators. Din is-sena, dawn il-miżati qed jerġgħu jiżdiedu, bin-negozji ma għandhom l-ebda triq oħra ħlief li jħallsu aktar sempliċiment biex ikomplu joperaw f’Malta.

Dan ifisser li l-operaturi kollha fis-settur tas-servizzi finanzjarji qed jintlaqtu b’żieda fl-ispejjeż rikorrenti tagħhom. Dawn il-miżuri ma tħabbrux fil-budget, minkejja l-assigurazzjonijiet li ma kienx se jkun hemm taxxi ġodda.

Minbarra li huma taxxi fuq in-negozji, ir-realtà hi li dawn l-ispejjeż jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Fl-aħħar mill-aħħar, huma l-familji u n-negozji Maltin li jħallsu l-prezz permezz ta’ tariffi ogħla u premiums ogħla għall-assigurazzjoni tal-proprjetà, tal-karozza jew tas-servizzi tas-saħħa.

Dawn iż-żidiet jiżdiedu mat-tariffi ġodda fuq prodotti mediċinali li ddaħħlu ftit wara l-budget, ukoll mingħajr konsultazzjoni. Meta jittieħdu flimkien, dawn il-miżuri juru gvern li jibqa’ jżid it-taxxi u l-miżati biex jipprova jikkumpensa għad-dejn dejjem jikber li nħoloq minħabba nfiq bla kontroll.

Bil-PN għalaq billi saħaq li din hija Malta taħt il-Labour – dawk qrib il-Gvern Laburista jibqgħu jiffangaw, filwaqt li l-familji jintalbu jħallsu aktar għal servizzi essenzjali.