Żagħżugħ ta’ 24 sena li m’għandux xogħol ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta li insulta u hedded lil ommu u lil ħuh il-kbir f’serje ta’ inċidenti li seħħew bejn Novembru u Diċembru li għaddew, barra d-dar tal-omm, wara li din keċċietu minn hemm.
Il-Qorti semgħet kif f’wieħed mill-episodji, l-imputat beda jgħajjar lil ommu meta din ħarġet barra wara li semgħet storbju. F’inċident ieħor, huwa ħa l-mobile phone ta’ ħuh u ma rritornahx, filwaqt li f’episodju ieħor wettaq ħsara fuq il-karozza ta’ ommu, beda’ hagħti daqqiet fuqha bil-ponn u kiser waħda mit-twieqi tagħha.
L-Ispettur tal-Pulizija Audrey Micallef ippreżentat ċertifikat mediku relatat mal-aħħar inċident, fejn il-vittmi rrappurtaw li sofrew minn feriti ħfief u minn stat ta’ ansjetà u dwejjaq. Intqal ukoll li meta l-pulizija ppruvaw jikkuntattjaw lill-imputat għall-ewwel, huwa ma kkooperax u għalhekk tpoġġa fuq lista ta’ persuni mfittxija.
Huwa ġie arrestat fis-7 ta’ Jannar, wara li ġie nnutat minn surġent tal-pulizija f’Tas-Sliema. Quddiem il-Qorti, iż-żagħżugħ ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. L-avukat Lennox Vella, li deher parte civile f’isem l-omm u l-ħu, qal li l-omm ma riditx li binha jintbagħat il-ħabs. Spjega li ż-żagħżugħ kien affettwat ħafna mill-mewt ta’ missieru u li kien ta’ spiss jitlob mijiet ta’ ewro mingħand ommu.
Il-prosekuzzjoni kkonfermat li l-mewt tal-missier kellha impatt qawwi fuq l-imputat, filwaqt li nnotat li huwa kien edukat fil-mod kif ittratta mal-pulizija u li ma kellux problemi ta’ vizzji. L-Ispettur Micallef żiedet li jidher li l-imputat kien qed jevita l-kuntatt mal-pulizija minħabba li fil-passat kien iddaħħal l-Isptar Mount Carmel kontra r-rieda tiegħu u mingħajr il-bżonn, fuq talba ta’ ommu. Konsulent psikjatriku kkonferma lill-pulizija li dak iż-żmien ma kienx hemm bżonn ta’ trattament.
L-avukat difensur Amadeus Cachia argumenta li f’dan il-każ kienet biżżejjed sentenza sospiża flimkien ma’ ordni ta’ trażżin u ordni ta’ trattament. Il-Qorti, ppreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, sabet lill-imputat ħati fuq l-ammissjoni tiegħu u kkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Barra minn hekk, ġie skwalifikat mis-sewqan għal tliet xhur u ordnat jirritorna ċ-ċwievet tal-karozza lil ommu. Il-Qorti poġġietu wkoll taħt ordni ta’ trattament u ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-każ ġie pproċessat mill-Ispettur Audrey Micallef, filwaqt li l-avukati Amadeus Cachia u Ishmael Psaila dehru għall-imputat. L-avukat Lennox Vella deher parte civile.
//= $special ?>

