Lokali Qorti

Serqiet ripetuti f’Birkirkara biex isostnu l-vizzju tad-droga jwasslu għal sentenzi ta’ probation u ħabs sospiż

Wilson Schiavone u Ramona Caruana ammettew quddiem il-Qorti li f’temp ta’ għaxart ijiem serqu darbtejn minn ħanut tal-merċa f’Birkirkara sabiex ikunu jistgħu jsostnu l-vizzju tad-droga tagħhom.

Iż-żewġ akkużati tressqu quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u ġew mixlija li f’Ottubru tal-2025 serqu minn dan il-ħanut u li disat ijiem biss wara reġgħu wettqu serq mill-istess post. Huma kienu akkużati wkoll li kisru l-paċi pubblika u li għexu ħajja ta’ vagabundaġġ.

Mill-informazzjoni ppreżentata mill-Uffiċjal tal-Probation ħareġ li dan kien l-ewwel każ kriminali ta’ Wilson Schiavone, li kkopera bis-sħiħ mal-investigazzjoni tal-Pulizija. Intqal li huwa ilu madwar tliet snin juża d-droga u li s-serq sar bil-għan li jsostni dan il-vizzju.

Quddiem il-Qorti ħareġ ukoll li Schiavone ilu jiffaċċja problemi fl-imġiba tiegħu sa minn meta kien tifel. Minkejja li ma esprimiex interess li jsegwi programm formali kontra d-droga, huwa wera r-rieda li jindirizza l-problema tiegħu fil-komunità.

Fir-rigward ta’ Ramona Caruana, il-Qorti semgħet kif anke hija wettqet is-serq minħabba l-vizzju tad-droga u li wriet rimors għal dak li għamlet. Intqal li Caruana għandha ħamest itfal u li bdiet tuża d-droga lejlet l-ewwel tas-sena 2020. Minħabba din id-dipendenza, hija tilfet il-kustodja ta’ wħud mit-tfal tagħha. Il-Qorti ġiet infurmata wkoll li Caruana kienet vittma ta’ vjolenza domestika u li din it-trawma, flimkien ma’ esperjenzi oħra diffiċli f’ħajjitha, wassluha biex taqa’ fil-vizzju tad-droga.

L-Uffiċjal tal-Probation qalet li tkellmet mal-manager tal-ħanut li minnu nsterqu l-oġġetti, u li din esprimiet tħassib serju dwar is-sigurtà tal-ħaddiema, peress li s-serqiet ripetuti qed joħolqu biża’ fosthom. Il-manager tal-ħanut offriet ukoll li tidħol fi proċess ta’ medjazzjoni sabiex l-akkużati jroddu lura l-flus misruqa. It-tnejn li huma esprimew id-dispjaċir tagħhom u qalu li huma lesti li jroddu l-ammont dovut.

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti qieset il-fatt li ż-żewġ akkużati ammettew il-ħtija tagħhom fi stadju bikri tal-proċeduri u ħadet ukoll inkunsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċjali tal-probation. Il-Maġistrat qieset il-gravità tar-reati kif ukoll ir-rimors muri mill-akkużati.

Fuq l-ammissjoni tagħhom, il-Qorti sabithom ħatja. Lil Wilson Schiavone poġġietu taħt ordni ta’ probation u ta’ trattament għal perijodu ta’ tliet snin u ordnatlu jħallas lill-ħanut is-somma ta’ €81.89 li kien seraq. Lil Ramona Caruana kkundannatha għal seba’ xhur priġunerija sospiżi għal sentejn u poġġietha wkoll taħt ordni ta’ trattament għal tliet snin, filwaqt li ordnatha tħallas lill-ħanut l-istess ammont ta’ €81.89.