Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs għal Niġerjana li ppruvat tivvjaġġa b’passaport falz

Malta International Airport

Mara Niġerjana ta’ 30 sena ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs effettivi wara li ammettiet li ppruvat issiefer mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta lejn Dublin billi użat passaport falz. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Jannar, meta Blessing Igie ġiet innutata fil-pussess ta’ passaport Niġerjan falz li bih kienet se tipprova tivvjaġġa lejn l-Irlanda.

Meta tressqet quddiem il-Qorti, hia ammettiet minnufih għall-akkużi miġjuba kontriha. Il-Maġistrat Charmaine Galea spjegatilha b’mod ċar il-konsegwenzi legali tal-ammissjoni tagħha, bl-akkużata tikkonferma li fehmet u żammet mal-ammissjoni.

Wara li qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-Qorti sabitha ħatja u kkundannatha għal sitt xhur priġunerija effettiva. Għall-prosekuzzjoni deher l-Ispettur Karl Roberts, filwaqt li l-akkużata ġiet assistita mill-avukat tal-għajnuna legali, Francois Dalli.