Edukazzjoni Lokali

Stqarrija mill-SDM dwar iż-żieda ta’ inċidenti serji fl-iskejjel sekondarji

L-SDM jikkundanna l-inċidenti serji riċenti fl-iskejjel sekondarji li kienu jinvolvu armi, l-ewwel fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara ix-xahar li għadda – u mill-ġdid fi skola sekondarja f’Għawdex. L-iskejjel tagħna għandhom ikunu ambjent sigur u ta’ appoġġ fejn l-istudenti jistgħu jitgħallmu mingħajr biża’.

Dawn l-avvenimenti jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti għal evalwazzjoni bir-reqqa tas-sigurtà fl-iskejjel, flimkien ma’ miżuri aktar b’saħħithom ta’ prevenzjoni, intervent bikri u sistemi ta’ appoġġ għall-istudenti. L-SDM innotaw ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni ċara u f’waqtha mill-awtoritajiet, li jkompli jżid l-ansjetà tal-ġenituri u tal-komunitajiet skolastiċi.

Esprimew is-solidarjetà u l-ħsibijiet ma’ dawk kollha affettwati u awgurawlhom saħħa, kura u benesseri f’dan iż-żmien diffiċli. Il-ġenituri, l-istudenti u l-edukaturi jistħoqqilhom serħan il-moħħ, trasparenza u azzjoni deċiżiva biex jiġi protett il-benesseri ta’ kulħadd.