Lokali

Terġa’ tinfetaħ il-mina ta’ Għajn Dwieli

Il-mina fiz-zona ta’ Għajn Dwieli kienet ilha magħluqha għal kważi 24 siegħa. U b’hekk, dawk kollha li normalment kienu jużaw din it-triq, kmieni filgħodu kellhom jgħaddu minn rotot alternattivi.

Fil-fatt sa filgħodu kienet għaddejja ħidma intensiva biex jinqala’ xi ġebel li seta’ kien ta’ periklu wara l-maltemp tal-aħħar jiem.

Jidher ċar li minn mal-faċċatta tad-daħla tal-mina tneħħa ħafna ġebel ta’ kull forma u daqs bil-għan li l-matemp ma jerġax jikkaġuna aktar ħsarat li jsarraf f’inkonvenjent bħal dan.

Il-Ħamis filgħodu Net News kien infurmat li l-matemp ta’ matul il-lejl kien waqqa’ ġebla ta’ daqs kbir flimkien ma’ ġebel ta’ daqs varju fin-nofs tad-daħla ta’ din il-mina.

Din il-ġebla tressqet fil-ġenb matul il-jum u l-Pulizija kkonfermaw ma’ dan l-istazzjon li fortunatament din il-ġebla ma laqtet lil ħadd u ma kkaġunat l-ebda ħsara.

Persuna li tkellment ma’ Net News, spjegat li xi xogħol ta’ restawr kien se jibda fil-jiem li ġejjin; dan minkejja li lura fl-2021 Infrastructure Malta kienet ħabret li se tibda proġett ta’ restawr ta’ 2.2 miljun ewro.

F’Settembru tas-sena li għaddieti, il-kunsill lokali ukoll kien ħabbar li kien qed isir xi xogħol fil-mina ta’ Għajn Dwieli matul il-lejl. Però jidher li l-maltemp ħalla aktar ħsarat.