Internazzjonali

CRANS-MONTANA: Jikbru d-dubji dwar il-koppja Jessica u Jacques Moretti

Storja kumplikata immens. Akkużi serjissimi fil-konfront tal-proprjetarji tal-bar Le Constellation. Dubji dwar kif oriġina l-ġid tagħhom. Dubji wkoll dwar dak li verament seħħ dakinhar tat-traġedja – meta 40 persuna tilfu ħajjithom fin-nirien.

Issa, Jacques Moretti inżamm arrestat. Għaliex kien hemm biża’ li jaħrab jew ibgħabas il-provi. Martu Jessica Maric tpoġġiet taħt sorveljanza bl-użu taċ-ċinga elettronika.

Anke hi, tinsab fiċ-ċentru ta’ kontroversja sħiħa. Qatt ma tkellmet. Baqgħet fommha magħluq. U kien biss il-Ġimgħa li inqabdet mill-kameras tal-ġurnalisti, tibki u emozzjonata. Iżda tkellmet biss għaliex ma setgħetx taħrab lill-media.

Fuq Jessica Maric qed jiċċirkulaw stejjer dwar il-mod li bih ħarbet mill-bar dakinhar tat-traġedja. B’sorsi jindikaw li jeżistu filmati tagħha taqbad il-cash bil-flus, u toħroġ tiġri ‘l barra biex issalva ġildha.

Warajha, ħalliet għexieren ta’ żgħażagħ – kollha maqbudin. Bil-ħruġ ta’ emerġenza, allegatament kien imsakkar. U l-uniku ħruġ ikun taraġ dejjaq minn taħt l-art.

Intant, il-media Taljan qed tirrapporta kif il-koppja Jessica u Jaqcues Moretti tul l-aħħar snin akkumulaw ġid insjegabbli. Għexu ħajja ta’ lussu. U kienu jidhru ma’ Crans isuqu karozzi li jiswew flejjes kbar. Dan meta l-kontijiet bankarji juru li ma kellhom ebda loan.

Mis-sena 2020, akkwistaw diversi ristoranti u vilel. Ma’ dawn, anke lukandi. U f’ħames snin il-ġid tagħhom sploda ‘l fuq b’mod inkredibbli.

Dan kollu seħħ wara li fl-2008, Jacques Moretti kien ikkundannat 4 xhur ħabs fuq każ serju ta’ sfruttament ta’ prostituti.