Internazzjonali

Ikomplu l-protesti fl-Iran….fost il-qtugħ tad-dawl u tal-internet

Fl-Iran, komplew il-protesti hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija diversi nies niżlu fit-toroq tal-Iran sabiex jagħmlu pressjoni fuq it-tmexxija Iranjana.

Dawn il-protesti issa ilhom għaddejjin għal 13-il ġurnata, meta n-nies bdew jipprotestaw minħabba r-rabja tagħhom dwar l-għoli tal-ħajja, b’appell biex tieqaf is-sistema klerikali li qed tmexxi lil dan il-pajjiż.

Diversi rapporti ndikaw li kien hemm xi azzjoni fil-belt kapitali ta’ Tehran u f’bosta lokalitajiet oħra, fosthom Mashhad, Tabriz u Qom.

L-awtoritajiet fl-Iran qatgħu d-dawl, linji tat-telefown u waqqfu l-aċċess għall-internet, b’ħafna jisħqu li dan qed jillimita l-komunikazzjoni u jnaqqas il-possibiltà li titwassal l-informazzjoni kollha dwar dak li qed jiġri fit-toroq.

Fl-istess waqt, l-NGOs qalu li n-numru ta’ vittmi u nies midruba żdiedu u anke allegaw li kien hemm l-użu ta’ forza kontra d-dimostranti, inkluż b’armi tan-nar u gass tad-dmugħ.

Intant, kienu bosta mexxejja Ewropej fosthom Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit li kkundannaw u appellaw kontra l-aġir tat-tmexxija Iranjana