Sport Waterpolo

It-tieni sessjoni ttappan il-prestazzjoni tat-tim Malti

Stewart Said

MALTA………………… 12

MONTENEGRO……… 21

(5-6), (0-5), (4-5), (3-5)

Is-sitt parteċipazzjoni konsekuttiva għat-tim nazzjonali Malti fil-Kampjonat Ewropew bdiet b’telfa ta’ 21-12 kontra Montenegro. Ħadd ma kien qed jistenna li t-tim Malti joħroġ rebbieħ minn dan il-konfront wieħed mill-aqwa nazzjonijiet fil-kompetizzjoni iżda l-prestazzjoni tat-tieni sessjoni xekklet ftit l-impenn li urew il-plejers Maltin. Madankollu l-prestazzjoni komplessiva għandha tqawwi qalb it-tim Malti għall-konfront importanti kontra Franza t-Tnejn fis-12.45pm.

Fost il-prestazzjonijiet pożittivi wieħed ma jistax ma jirrimarkax lil Stevie Camilleri u Matthew Zammit li bl-esperjenza tagħhom urew li dan iż-żewġ veterani għadhom importanti fit-tim Malti. Debutt għal Ivan Nagaev fit-tim nazzjonali wara li ngħata passaport Malti fl-aħħar ġimgħat.

Il-Montenegro fetħet vantaġġ ta’ 4-1 sa nofs l-ewwel sessjoni, bil-maġġoranza tal-gowls waslu minn kontrattakki. Minkejja dan id-distakk, it-tim Malti żied fil-logħob u prattikament lagħab it-tieni nofs tas-sessjoni daqs l-avversarji. Stevie Camilleri, Jayden Cutajar, Ivan Nagaev u Nikolai Zammit kollha niżżlu isimhom fost l-iskorers u naqqsu d-distakk għal 6-5.

Id-differenza netta bejn iż-żewġ timijiet seħħet fit-tieni sessjoni. Il-Montenegrini bdew jitħallew jikkonkludu minn pożizzjonijiet ċentrali u dan wassal biex id-distakk kiber għal 11-5. Hawn it-tim Malti naqas li jibni fuq l-ewwel sessjoni u fosthom falla t-tliet okkażjonijiet ta’ superjorità numerika.

Dan id-distakk biddel l-andament tal-logħba iżda t-tim Malti xorta baqa’ jipprova jilgħab il-logħba anki jekk l-avversarji kienu qed jikkontrollaw il-vantaġġ mingħajr diffikultà. It-tim ta’ Milan Cirovic irritorna għall-prestazzjoni tal-ewwel sessjoni u qasam il-logħob mal-avversarji għalkemm id-distakk baqa’ simili. Il-gowls tas-sessjoni ġew skorjati minn doppjetta ta’ Stevie Camilleri u Alex Fenech mis-sitt metri u gowl ta’ Matthew Zammit minn man-up.

It-tim ta’ Dejan Savic ikkontrolla wkoll l-aħħar sessjoni iżda mingħajr ma ddomina lit-tim Malti. Matthew Zammit u Jake Muscat skorjaw darbtejn minn opportunità ta’ raġel aktar fl-ilma filwaqt li Vladan Spaic spikka għall-Montenegrini b’doppjetta.

Malta: J. Tanti, I. Nagaev (1), L. Galea, B. Plumpton, B. Cachia, M. Zammit (3), S. Camilleri (4), J. Cutajar (1), J. Muscat (1), N. Zammit (1), D. Zammit, A. Fenech (1), N. Grixti, E. Schembri

Montenegro: P. Tesanovic, D. Kholod (1), J. Vujovic (2), M. Mrsic (2), A. Macic (2), D. Stupar (1), B. Vuckovic, M. Perkovic (1), V. Spaic (3), D. Matkovic (3), V. Radovic (1), D. Durovic, S. Janovic (1), S. Gojkovic (4)

Referees: Georgios Stavridis (Greċja), Eurico Silva (Portugall)